Lokali Qorti

Mhux ħati li ħebb għal martu

Raġel ta’ 40 sena mill-Imqabba li għandu problema ta’ droga ma nstabx ħati li kkaġuna feriti ħfief fuq martu u li ta fastidju. Huwa kien qed jiġi mixli li wettaq dawn ir-reati fid-9 ta’ Marzu li għadda

Meta kien tressaq il-Qorti b’arrest, r-raġel kien ingħata l-libertà proviżorja, kuntrarju għal ħafna każijiet simili fejn akkużi fuq vjolenza domestika l-persuna ħafna drabi tinżamm taħt arrest preventiv.

Bħala kundizzjonijiet huwa kellu jiffirma l-għassa darbtejn f’ġimgħa, li jkun kmieni d-dar u ordni ta’ protezzjoni fil-konfront ta’ martu. Dan kollu fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €3,000.

Il-mara qalet li l-imputat wegħda li lest li jieħu trattament neċċessarju, inkluż li jagħmel programm ta’ riabilitazzjoni mid-droga, sabiex ir-relazzjoni ta’ bejniethom terġa’ tissaħħaħ u jerġgħu jirranġaw id-differenzi li kellhom.

Huwa ma nstabx ħati ta’ dawn ir-reati li skopnd il-Prosekuzzjoni seħħew fir-residenza tal-koppja u bnadi oħra. Lanqas ma nstab ħati li bl-aġir tiegħu huwa beżża’ lil martu li kienet se tintuża vjolenza fil-konfront tagħha.

Il-fatti tal-każ li nstemgħu quddiem il-Maġistrat Mars-Ann Farrugia kienu li fid-9 ta’ Marzu 2020 għall ħabta tas-1.25pm, martu kienet marret tagħmel rapport l-Għassa tal-Pulizija taż-Żurrieq, li kien ghad kemm kellha xi tghid mar-raġel tagħha.

Hija allegat li f’dan l-argument huwa kien aġixxa agressivament fil-konfront tagħha u li ma kinitx l-ewwel darba li huma kellhom argumenti bejniethom. Il-Pulizija ikkuntattjat lill-Agenzija Appoġġ sabiex isir risk assessment u konsegwenement il-Pulizija arrestat lil żewġha.

Ir-raġel dejjem ċaħad dawn l-akkużi, nkluż fl-istqarrija li huwa kien ta lill-Pulizija. Fis-seduta tad-19 ta’ Gunju 2020, il-mara nfurmat lill-Qorti li ħafritlu u li ma xtaqitx li dawn il-proċeduri jitkomplew.

Il-Qorti ssospendiet ix-xhieda tagħha u ħatret avukat tal-ghajnuna legali sabiex hija tieħu parir legali mingħandu dwar dak li kienet qed titlob. Iktar tard fl-istess seduta l-mara assistita mill-avukat, baqgħet tinsisti li ma tixtieqx li tixhed kontra żewġha u li għandhom tifel ta’ seba’ snin.

Il-Qorti qalet li fin-nuqqas tax-xhieda tal-parte civile, il-provi prodotti mill-Prosekuzzjoni kontra l-imputat – apparti l-istqarrija tiegħu u ċ-ċertifikat mediku, waħedhom mhux biżżejjed biex jippruvaw ħtija sal-grad rikjest fil-kamp kriminali.

Dwar ċ-ċertifikat mediku esebit, it-tabib li ra lil mara qal li ma jiftakarx x’kienet qaltlu. Dwar għaliex kellha ħmura u nefħa fuq il-warda tal-lemin ta’ wiċċha, meta ġie mistoqsi jekk kienx iddetermina dik il-ferita kif kienet saret, huwa qal li ma jiftakarx.

Dan ghax hu ma jżommx noti ta’ x’jgħidulu l-pazjenti. Ċertament ħmura u nefħa fil-wiċċ tista’ tiġi kkaġunata minn diversi inċidenti, kompla jgħid. L-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Francesca Zarb deheru għall-akkużat filwaqt li l-Ispettur Roderick Attard mexxa l-Prosekuzzjoni.