Lokali Qorti

Uffiċjal għoli ta’ Transport Malta mixli b’theddid fuq l-eks-sieħba tiegħu

Raġel ta’ 37 sena mill-Imsida ġie akkużat quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke li hedded lill-eks-sieħba. Isem ir-raġel ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti. Dan ukoll wara li l-avukati tiegħu nfurnaw lill-istess Qorti li huwa uffiċjal għoli fi Transport Malta.

Huma qalu li persuna tibqa’ nnoċenti sakemm tinstab ħatja u jekk ikun żvelat ismu dan jista’ jitkeċċa. Ir-raġel ġie mixli wkoll li kkaġuna biża’ fuq l-eks-sieħba, li taha fastidju, segwiha u li bħala uffiċjal pubblika wettaq reat meta kellu josserva li dan ma jsirx.

L-Avukati Yanika Abdilla u Jonathan Abela qalu li dan kien l-ewwel allegat inċident ta’ dan it-tip bejn il-koppja u li kienet il-mara li segwiet lill-klijent tagħhom.

L-Ispettur Stacy Attard ma qablitx u saħqet li dan ma kienx l-ewwel inċident bejniethom. Waqt li wieġeb mhux ħati tal-akkużi, ir-raġel ingħata l-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet fosthom li ma javviċinax lill-allegata vittma.

Kienu diversi l-kundizzjonijiet li ngħata fosthom li jiffirma l-għassa tal-Imsida kull nhar ta’ Tlieta, li jiddepożita €1,000 u li jagħmel tajjeb b’garanzija personali ta’ €3,000.