Lokali Qorti

Ordnati jħallsu aktar minn €18,000 f’danni fuq xogħolijiet tat-toroq

Kuntrattur tal-bini, perit u kunsill lokali ġew ordnati jħallsu ‘l fuq minn €18,000 f’danni fuq xogħlijiet fit-toroq li kkawżaw għargħar f’partijiet minn Ħal Lija fl-2012.

Polidano Brothers, il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija u Perit John Rizzo Naudi ġew ikkundannati flimkien biex iħallsu €18,485.97 lill-assiguratur Lloyd’s Malta Ltd fis-sentenza mogħtija mill-Imħallef Lawrence Mintoff

Il-każ ġie ppreżentat wara maltempata qawwija ta’ xita li kienet laqtet il-gżejjer Maltin fit-3 ta’ Settembru 2012. Wara li semgħet affidavit minn resident li d-dar tiegħu kienet mgħarrqa b’aktar minn żewġ piedi ilma u l-evidenza ta’ esperti tekniċi, il-Qorti qalet li ma kellhiex dubju li l-ħsarat kienu kkawżati minn xogħlijiet ta’ kisi mill-ġdid f’numru ta’ toroq f’Ħal Lija.

Bħala parti mix-xogħlijiet li saru, numru ta’ kanali tat-triq mid-dar bil-ħsara kienu tneħħew u qatt ma ġew sostitwiti kompletament. Il-proġett ta’ kisi mill-ġdid inbeda mill-kunsill lokali, li kien ingaġġa lil Polidano Brothers Ltd biex jimplimentah, taħt is-superviżjoni tal-Periti John Rizzo Naudi u Joseph Cachia.

Il-Qorti qalet li l-kompitu tagħha kien li tivverifika jekk l-imputati naqsux milli jieħdu l-prekawzjonijiet mistennija biex jiżguraw li ma ssir l-ebda ħsara lill-proprjetà privata wara x-xogħlijiet.

Waqt li kkwotat sentenzi oħra dwar ħsarat ikkawżati mill-istess maltempata, il-Qorti qalet li min hu responsabbli għax-xogħlijiet għandu d-dmir li jieħu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa biex jiżgura l-inqas inkonvenjenza u ħsara għar-residenzi fil-viċinanzi.

Dan kien japplika kemm għall-persuna li kkummissjonat ix-xogħlijiet kif ukoll għal min wettaqhom. Ħareġ mill-evidenza li kieku l-livelli tat-toroq ma nbidlux u li kieku l-kanali kollha ġew sostitwiti l-għargħar probabbilment ma kienx iseħħ.

Il-Perit tal-imputat, Cachia, kien xehed li ħafna drabi ma kienx ikun fuq il-post u l-impjegati tal-kumpanija imputata jispiċċaw jieħdu ordnijiet direttament mill-Perit tal-Kunsill Lokali, Rizzo Naudi.

“Kien dan li wassal għal sitwazzjoni fejn ma tteħdux il-prekawzjonijiet kollha meħtieġa, nuqqas li wassal għal sitwazzjoni fejn wieħed mir-residenti fiż-żona sofra ħsarat sostanzjali fuq il-propjetà tagħha.”

Ir-residenti kienet xehdet li għalkemm kien hemm xita qawwija fil-passat, din kienet l-ewwel darba li d-dar tagħha kienet mgħarrqa. “Ma kien hemm l-ebda forza maġġuri f’dan kollu,” qalet il-qorti, “għax .. dan l-inċident seta’ ġie evitat bi ftit ippjanar u bit-teħid tal-prekawzjonijiet meħtieġa mill-imputati.” L-avukati Chris Cilia, Timothy Bartolo u Carmel Cascun dehru għall-atturi.