Lokali

Repubblika se tirreżisti kull theddida għall-indipendenza tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia

“Il-kummenti tal-Prim Ministru li ndaħal fuq dak li deherlu li hu jew mhux rilevanti fix-xogħol tal-inkjesta, u issa tal-whip tal-grupp parlamentari tal-gvern li jrid jiskredita lill-imħallfin li jiffurmaw il-bord tal-inkjesta, jammontaw għal theddida tal-indipendenza tal-inkjesta.”

Fi stqarrija, l-għaqda Repubblika qalet li l-aġġettiv “indipendenti” bħala deskrizzjoni tal-inkjesta Daphne Caruana Galizia, mhux inċidentali. L-inkjesta trid tistħarreġ x’seta’ għamel jew m’għamilx il-gvern li seta’ wassal għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, u x’seta’ għamel jew m’għamilx il-gvern wara l-qtil biex issir magħrufa l-verità. Hu għalhekk neċessarju li l-inkjesta tkun indipendenti mill-indħil tal-gvern.

Anke mill-proċess kriminali jirriżulta li hi l-fehma tal-prosekuzzjoni li l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għandu l-mottiv tiegħu fil-korruzzjoni li fiha kien involut il-gvern. U mill-inkjesta jirriżulta li l-aġir tal-gvern ħoloq atmosfera t’impunità li fiha setgħet tinqatel ġurnalista u min qatilha seta’ jaħseb li ma kien jiġrilu xejn.

L-istqarrija tkompli tgħid li trid tkun l-inkjesta li weħidha tasal għall-konklużjonijiet tagħha meta jkun jidhrilha li semgħet lil kull min kellha tisma’ u rat l-evidenza kollha li riedet tara. Inkjesta indipendenti tfisser li ma jkunx il-prim ministru jew il-whip tal-gvern li jiddeċiedi x’inhu rilevanti għall-inkjesta jew kemm teħtieġ ħin biex tkun sodisfatta li rat biżżejjed.

Iżda għax qed issir fil-pubbliku, il-prim ministru u l-partit laburista qegħdin bħal kulħadd jaslu għall-konklużjoni li l-evidenza ma tqegħdhomx f’dawl tajjeb. Huma responsabbli mill-gvern li qed jiġi investigat f’din l-inkjesta u minn dak li semgħu s’issa m’humiex jistennew li joħorġu jfuħu.

Glenn Bedingfield qal illum li dan jammonta għal “politiċizzazzjoni” tal-proċess. La dan hu eżami tal-imġieba ta’ gvern u ta’ partit fil-gvern, bil-fors ikun proċess b’ramifikazzjonijiet politiċi. L-interessi partiġġjani tal-partit laburista m’humiex xi baqra sakra. Jekk l-evidenza turi li biex jisservew l-interessi partiġġjani tal-partit laburista, inqatlet ġurnalista, inkjesta indipendenti għandha titħalla fil-libertà li tistabilixxi dan ukoll.

Repubblika ttenni li kif ipparteċipat f’kampanja ta’ xhur twal biex tara li tinbeda din l-inkjesta pubblika u indipendenti, lesta tagħmel kull m’hu meħtieġ biex l-inkjesta pubblika u indipendenti dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia titħalla twettaq xogħolha mingħajr indħil u theddid mill-Gvern.