Internazzjonali

Russja-Ġermanja: Jista’ ikun żblokk sinifikattiv fil-każ ta’ Alexei Navalny

L-attivisti li qed jappoġġjaw lil Alexei Navalny żvelaw li nstabu ‘allegati’ traċċi tas-sustanza Novichok – li tattakka lin-nervatura tal-ġisem – fuq flixkun f’kamra ta’ lukanda (fil-belt ta’ Tomsk) fejn kien qed joqgħod il-Kap tal-Oppożizzjoni Russa qabel marad u spiċċa b’’ħajtu imdendel bi spaga’.

Navalny kien ħassu ħażin u – eventwalment – spiċċa f’koma wara li qabad titjira fis-Siberja matul ix-xahar li għadda. Intant, uffiċjali fil-Ġermanja qalu li Navalny –kritiku kbir tal-President Russu Vladimir Putin – kien spiċċa ‘ivvelenat bl-imsemmi nerve agent’.

Filwaqt li l-attivisti ma’ Navalny jemmnu li l-Kap tal-Oppożizzjoni Russu spiċċa vvelenat ‘fuq l-ordnijiiet ta’ Putin innifsu’ il-Kremlin ta’ Moska qed tiċħad bil-qawwi għal din l-allegazzjoni.

Qabel ħarġu l-aħħar dettalji, il-ħsieb ġenerali kien li ‘xi ħadd kien waddab il-velenu fix-xarba ta’ Navalny’ waqt li hu kien qiegħed fl-ajruport. Iżda l-indikazzjonijiet, issa, huma li ‘l-azzjoni seħħet qabel (Navalny) ħareġ mil-lukanda biex imur l-ajruport’. Intant, Navalny għadu qed jingħata t-trattament l-isptar fil-Ġermanja, fost indikazzjonijiet li hu qaleb għall-aħjar.

L-awtoritajiet Ġermaniżi ma kkummentawx dwar l-aħħar allegazzjonijiet fil-każ ta’ Alexei Navalny.