Lokali Qorti

Sid ta’ ħanut tal-laħam u martu akkużati b’ħasil ta’ flus

Koppja minn Ħal Tarxien ġiet mixlija b’ħasil ta’ flus f’każ kumplikat li jindika li huwa marbut ma’ tisrif ta’ ċekkijiet li kien qed isr f’ħanut tal-laħam li jiġġestixxi r-raġel.

Allegatament persuni kienu jmorru għand il-koppja jixtru l-laħam u kienu jħallsuhom b’ċekkijiet li jkunu rċevew. Iż-żewġ akkużati wieġbu mhux ħatja iżda fuq talba tal-prosekuzzjoni kellhom l-assi tagħhom iffriżati.

Il-Prosekuzzjoni u d-Difiża mhux jaqblu dwar in-natura tar-reati li l-koppja qed tiġi mixlija bihom. Anthony Manicaro u martu Mary Grace, it-tnejn ta’ 58 sena minn Ħal Tarxien, ġew mixlijin li ittrasferixxew proprjetà meta kienu jafu jew kellhom suspett li din setgħet inkisbet minn attività kriminali.

Huma ġew akkużati wkoll li nhar l-Erbgħa,16 ta’ Settembru li għadda, u fis-snin ta’ qabel, wettqu kummerċ bankarju bi ksur tal-liġi. Anthony Manicaro waħdu ġie mixli wkoll li ikkommetta reat fil-perjodu meta fil-konfront tiegħu kien hemm ordni ta’ probation mogħtija fl-24 ta’ Ottubru tal-2019 mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.

Mistoqsija mill-Qorti, r-raġel qal li għandu ħanut tal-laħam, filwaqt li l-mar qalet li ma taħdimx u tieħu ħsieb lit-tifel tgħhom ta’ 21 sena li għandu diżabilità.

L-Avukati Arthur Azzopardi u Stefano Filletti, li qed jidhru lill-koppja, talbu lill-Maġistrat Doreen Clarke biex il-koppja titħalla tbiegħ il-laħam sabiex dan ma jmurx.

Id-difiża qalet ukoll li fil-ħanut hemm kunsinja ta’ diversi oġġetti tal-ikel fosthom madwar 700 kartuna bajd u seba’ freezers bil-laħam. Ingħad li jekk dan ix-xogħol ma jinbigħx ma kienux se jibqgħu tajbin u dan ifisser flus fil-ħela.

Il-Maġistrat Clarke qalet li din it-talba kellha tkun deċiża mill-Qorti li se tisma l-ġbir tal-provi fil-kumpilazzjoni wara li jinstab xi ħadd li lest jixtrihom. Id-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest, iżda din sabet l-oġġezzjoni tal-Prosekuzzjoni mmexxija milI-Ispetturi Oriana Spiteri, Keith Mallan u Danilo Francalanza li investigaw il-każ.

Iż-żewġ avukati saħqu l-aktar fuq il-punt tal-mara fejn din trid tkun id-dar biex tkun tista’ tieħu ħsieb it-tifel u nsistew li kuntrarjament għall-akkużi u dak li qed jiingħad, il-koppja taħdem biex dak li taqla’ l-ħobża ta’ kuljum.

Infurmaw ukoll lill-Qorti li familjari biex jieħdu ħsieb lit-tifel m’hemmx u post fejn jinżamm lanqas kemm, u dan peress li m’hemmx spazju u iktar u iktar issa minħabba l-COVID-19, waqt li huma ma jaffordjawx iħallsu biex jinżamm f’dar privata.

L-Ispettur Oriana Spiteri ikkonfermat li t-tifel tal-koppja għandu diżabilità u għamlitha ċara li qabel l-arrest huma bħala Pulizija għamlu l-arranġamenti biex ikun hemm min joqgħod miegħu u fil-fatt qablet li tieħu ħsiebu oħt l-akkużata.

Hija kompliet toġġezzjona li jingħataw l-ħelsien mill-arrest fejn qalet ukoll li r-raġel staqsiha “minħabba ċ-ċekkijiet ġejtu hawn hux?” u qalilha li kienu qalulu n-nies li diġa kellmuhom il-Pulizija.

Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet fosthom li kull nhar ta’ Erbgħa jiffirmaw l-għassa ta’ Raħal Ġdid u dan fuq depożitu ta’ €2,000 kull wieħed u garanzija personali ta’ €10,000 kull wieħed ukoll.