Sport Waterpolo

Xandiriet diretti u rekordjati fuq Net Television u Facebook tal-aħħar fażi tal-Kampjonat tas-sajf tal-waterpolo

Minn għada l-Ġimgħa, tibda l-fażi tas-semi-finali tal-play-offs tal-Kampjonat Premier tal-waterpolo lokali. Dawn il-partiti għandhom iwasslu sabiex ikun magħruf ir-rebbieħ tal-Kampjonat tas-Sajf għal din is-sena, hekk kif dan l-istaġun il-maġġoranza tal-partiti minn dan il-Kampjonat, kellhom jintlagħbu wara bibien magħluqa minħabba l-imxija tal-COVID-19.

Minħabba f’hekk, fuq inizjattiva ta’ Net Television u tal-programm sportiv dwar il-waterpolo Malti li jixxandar fuq l-istess stazzjon, Man Up+, il-partiti kollha tal-Kampjonat tas-sajf qed jixxandru dirett fuq Facebook, u saħansitra fuq it-televiżjoni. Dan qed isir sabiex Net Television u Man Up+, jassiguraw l-aqwa servizz possibli lid-dilettanti kollha tal-waterpolo f’Malta minkejja l-fatt li ma jistgħux isegwu l-partiti tat-tim favorit tagħhom mill-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq.

Filwaqt li kull partita tal-Kampjonat, kemm dawk mill-ogħla diviżjoni kif ukoll dawk mill-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni, qed jixxandru b’mod dirett fuq il-paġna ta’ Man Up+ fuq Facebook, uħud mill-aqwa partiti skedati qed jixxandru b’mod dirett u bil-kummentarju, fuq Net Television.

Dan kien servizz innovattiv għal dawk li jsegwu dan l-isport f’pajjiżna, u kienu ħafna dawk li aprezzaw l-isforz kbir ta’ Net Television li f’dawn iż-żminijiet u ċirkostanzi mhux normali, kellu jkun stazzjon privat li ħa r-responsabiltá li jwassal dawn ix-xandiriet diretti tal-waterpolo.

Għall-ewwel żewġ partiti tal-play-offs mill-fażi tas-semi-finali tal-Kampjonat Premier, ċioé dawk li se jintlagħbu għada l-Ġimgħa, iż-żewġ partiti se jkunu qed jixxandru dirett permezz ta’ live streaming fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Man Up+, b’kummentarju ta’ Christian Micallef u Karl Izzo, filwaqt li l-għada l-istess żewġ partiti se jkunu qed jixxandru b’mod rekordjat fuq Net Telvision.

Għaldaqstant l-iskeda ta’ xandir għall-ewwel partita taż-żewġ semi-finali tal-Kampjonat Premier, li se jkunu qed jintlagħabu fuq l-aħjar minn tliet partiti, hija din:

Il-Ġimgħa, 18 ta’ Settembru
Fuq il-paġna ta’ Man Up+ LIVE |
fis-6:15pm San Giljan Aquatic Sports Club vs. Sirens Asc
fis-7:20pm Sliema Aquatic Sports Club vs. Neptunes WPSC

L-għada, is-Sibt, 19 ta’ Settembru
Fuq Net Television, xandira rekordjata |
fit-3:10pm San Ġiljan vs. Sirens
fis-6:10pm Sliema vs. Neptunes