Edukazzjoni Lokali

Bżonn li l-awtoritajiet jieħdu d-deċiżjonijiet korretti – MUT

“Bin-numri ta’ każijiet li hawn fil-pajjiż u bil-miżuri li aktar qajmu mistoqsijiet milli wieġbu, ir-riskji fuq is-saħħa u s-sigurtà għadhom kbar.”

Hekk sostniet l-Unjin tal-Għalliema fi stqarrija fejn spjegat li l-MUT tixtieq li l-edukaturi u l-istudenti jidħlu lura fl-iskejjel kemm jista jkun malajr bil-miżuri kollha f’posthom li jipprevjenu żieda fit-tixrid tal-virus jew agħar minn hekk, ikollna fatalità minħabba dan.

Dan ingħad wara li l-Ġimgħa waranofsinhar saret laqgħa bejn l-istess MUT u l-Ministeru għall-Edukazzjoni fejn wasslet it-tħassib ċar tal-edukaturi.

L-Unjin saħqet li d-diskussjonijiet mal-Ministeru kif ukoll ma min iħaddem ser jissoktaw fil-jiem li ġejjin u insistiet li jisperaw li “l-awtoritajiet jieħdu d-deċiżjonijiet korretti u responsabbli li hemm bżonn għas-settur.”

L-MUT sostniet li qed tagħmel milli tista’ sabiex l-edukaturi jkollhom triq ċara malajr kemm jista’ jkun dwar x’ser tkun it-triq ‘il quddiem. L-Unjin qalet li tifhem li l-għalliema jridu jippreparaw il-lezzjonijiet u jadattaw skont id-deċiżjonijiet li jittieħdu iżda ċċarat li s’issa ħafna fatturi m’għandhiex kontroll fuqhom.