Lokali Qorti

Ħabs għal tliet żgħażagħ barranin fuq passaporti foloz

Żewġ żgħażagħ Sudaniżi, li għandhom 17 u 15-il sena, ingħataw sentenza ta’ ħabs talli użaw dokumenti foloz fi sforz biex jivvjaġġaw lejn l-Italja.  Huma tressqu quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella akkużati li ffalsifikaw dokument, kif ukoll li kellhom pussess u użu ta’ passaporti ffalsifikati.

Każ ieħor kien ta’ żagħżugħ mill-Bangladexx. L-Ispettur Lara Butters spjegat kif iż-żgħażagħ kienu ġew arrestati fl-ajruport waqt li ppruvaw jaqbdu titjira lejn Bergamo bl-użu tad-dokumenti foloz.

Iż-żagħżugħ ta’ 17-il sena kien akkużat ukoll li sar reċediv, wara li nstab ħati ta’ reat ieħor f’Novembru 2019. In-natura ta’ dan ir-reat ma ħarġitx waqt is-seduta.  

Iż-żewġ akkużati ammettew l-akkużi miġjubin kontrihom. Fis-sottomissjonijiet tiegħu dwar il-piena, l-avukat Simon Micallef Stafrace argumenta għal klemenza minħabba l-età żgħira tal-akkużati, b’mod partikolari ż-żagħżugħ ta’ 15-il sena.

Il-Qorti sabet liż-żgħażagħ ħatja fuq l-ammissjoni tagħhom stess. Iż-żagħżugħ ta’ 17-il sena ġie kkundannat sitt xhur ħabs, filwaqt li ż-żagħżugħ ta’ 15-il sena ġie kundannat tliet xhur.

Sadanittant f’każ  separat żagħżugħ ta’ 24 sena mill-Bangladexx, Shahin Sharda, ġie kundannat tmien xhur ħabs wara li ammetta akkużi wkoll fuq passaporti foloz wara li ħarab mill-Barracks ta’ Ħal-Safi fis-6 ta ’Settembru ta’ din is-sena.

L-Ispettur Lara Butters mexxiet il-Prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukat Simon Micallef Stafrace kien avukat difensur fiż-żewġ każijiet.