Internazzjonali

Il-Ġermanja: L-ewwel mewta fi sptar dovuta għall-hackers?

Il-Pulizija Ġermaniża bdiet investigazzjoni ta’ omiċidju wara li mara tilfet ħajjitha waqt attakk ċibernetiku li kien dirett kontra l-isptar fejn kienet qed tinżamm.

Ir-rapporti qalu li l-hackers responsabbli ‘paralizzaw’ is-sistemi tal-kompjuter fl-Isptar tal-Università ta’ Dusseldorf u li l-pazjent mietet waqt li t-tobba kienu qed jippruvaw jittrasferuha lejn sptar ieħor.

Fl-aħħar sigħat, il-prosekuturi f’Cologne, ressqu każ uffiċjali ta’ ‘omiċidju dovut għal negliġenza’. Dan fost il-probabbiltà li l-hackers involuti fil-każ, ‘il quddiem, jispiċċaw akkużati dwar il-mewt tal-pazjenta.

F’każ ta’ konferma, dan għandu jkun l-ewwel każ magħruf fejn tkun intilfet il-ħajja ta’ persuna b’konsegwenza ta’ azzjoni ta’ hacking.

Dan wara li l-attakk ċibernetiku fuq l-isptar, li seħħ fid-9 ta’ Settembru, ħarbat id-data tal-kompjuters – bil-funzjoni tal-istess kompjuters tispiċċa inoperabbli.