Lokali

Il-Kumitat Parlamentari għal Għawdex jisma’ aktar karbiet tal-Għawdxin – PN

F’laqgħa oħra li l-Kumitat Parlamentari għal Għawdex żamm f’Għawdex stess ilbieraħ, dan il-Kumitat sema’ aktar karbiet tal-Għawdxin.

Fi stqarrija ffirmata minn Chris Said, Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex u r-Riformi Kostituzzjonali, Frederick Azzopardi, Deputat Whip u Kevin Cutajar, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Artijiet, il-Kostruzzjoni u Ippjanar Sostenibbli ġie spjegat li saret rappreżentazzjoni għan-nom ta’ Learning Support Educators (LSEs) Għawdxin li jaħdmu Malta, fejn dawn saħqu li l-awtoritajiet tal-edukazzjoni allegatament qed jippermettu inġustizzji fil-mod kif ċerti LSEs fosthom, qed jiġu trasferiti biex jaħdmu f’Għawdex u oħrajn le.

Imbaghad saret ukoll rappreżentazzjoni għan-nom ta’ ġenituri ta’ studenti b’diżabbilta’ Għawdxin li jeħtieġu l-assistenza ta’ LSE. Dawn qed jisħqu fuq il-bżonn li f’Għawdex, l-awtoritajiet tal-edukazzjoni joħolqu pool ta’ reliever LSEs permanenti li jkunu jistgħu jibdlu LSEs oħra meta dawn ma jattendux għax-xogħol għal xi raġuni jew oħra.

B’hekk l-istudenti b’diżabbilta` ma jispiċċawx jintbagħtu d-dar bħalma ġieli ġara meta l-LSE tagħhom ma tattendix ix-xogħol u allura tiġi evitata inġustizzja ma’ dawn l-istudenti.

Quddiem dan, id-deputati Nazzjonalisti Għawdxin Chris Said u Kevin Cutajar talbu sabiex il-Kumitat jiddedika laqgħa apposta biex jiġi diskuss is-suġġett tal-LSEs u hemm jiġu mistiedna wkoll l-awtoritajiet tal-edukazzjoni biex wieħed jesplora s-soluzzjonijiet.

Il-Kumitat Parlamentari għal Għawdex sema’ xi preparamenti qed isiru biex jerġgħu jinfetħu l-iskejjel f’Ghawdex fil-kuntest tal-Covid-19 u wkoll dwar l-inċertezzi li għad fadal fir-rigward. Sema’ wkoll kif l-imxija ġdida ta’ Covid-19 qed tolqot ħażin ħafna il-kummerċ f’Għawdex, partikolarment it-turizmu.

Quddiem dan, il-Partit Nazzjonalista u partikolarment id-Deputati Chris Said u Kevin Cutajar li jiffurmaw parti mill-Kumitat Parlamentari għal Għawdex, ma jistgħux ma jinsistux mal-Gvern Laburista biex jindirizza dawn il-problemi. Huma jfakkru li l-isfidi ta’ Għawdex ma jissolvewx biss billi jiġi Robert Abela fil-gżira bħalma għamel aktar kmieni din il-ġimgħa u joqgħod jgħidilna ħafna kliem sabiħ u ħelu. Minflok, Għawdex għandu bżonn azzjoni, fatti  u soluzzjonijiet.