Lokali

Imnedija l-kampanja ta’ Adrian Delia għall-elezzjoni ta’ Kap tal-PN: “Għaqda b’Lealtà”

Fid-daħla tad-Dar Ċentrali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia nieda l-kampanja tiegħu għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit, bit-tema “Għaqda b’Lealtà”. Waqt messaġġ tal-okkażjoni, hu qal li jrid politika li tgħaqqad u Oppożizzjoni dejjem aktar propożittiva, filwaqt li l-kultura tat-tribujiet trid tieqaf darba għal dejjem.

Adrian Delia elenka l-ħidma li saret fl-aħħar tliet snin, fosthom biex il-finanzi tal-Partit u tal-kumpaniji kummerċjali jsiru aktar sostenibbli, kif ukoll it-twaqqif tal-clusters biex il-politika titwessa’ aktar u ma tieqafx biss mal-Membri Parlamentari.

Fakkar kif taħt it-tmexxija tiegħu ġie aġġornat l-Istatut tal-Partit, li sar bl-għan li l-Partit jersaq dejjem aktar qrib in-nies. Hu appella wkoll biex il-mezzi soċjali ma jibqgħux jintużaw għall-attakki, iżda biex naraw li l-Partit u l-pajjiż ikomplu mexjin ‘il quddiem.

Adrian Delia fakkar kif fil-ġimgħat li ġejjin mistennija jkunu approvati 22 Kandidat ġdid, bil-Partit għandu l-mira li dan l-ammont jirdoppja sal-aħħar tas-sena. Qal li l-proċess ta’ due diligence li sar għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit għandu jsir għall-Kandidati kollha, li min-naħa tagħhom għandhom jikkommettu ruħhom li jagħmlu home visits matul il-leġislatura kollha biex iżidu l-kuntatt man-nies.

Adrian Delia kompla li Partit Nazzjonalista mmexxi minnu hu l-uniku partit fl-Unjoni Ewropea li mill-Oppożizzjoni ħareġ Dokumenti ta’ Qabel il-Budget bi poposti u mhux bi kritika. Qal li hu sodisfatt li matul il-perjodu tal-pandemija, il-Gvern ta’ Robert Abela ħa ħafna mill-proposti ppreżentati mill-Partit Nazzjonalista, għalkemm fadal ħafna aktar xi jsir.

Hawn hu ressaq aktar proposti, fosthom li l-pensjonijiet jiżdiedu b’200 ewro, li l-kontijiet tad-dawl jitnaqqsu bin-nofs u li l-Gvern irodd lura dak li seraq mit-taxxi tal-poplu. Wiegħed li Gvern ġdid Nazzjonalista jwettaq proġetti fil-qalba tal-lokalitajiet tagħna, fost l-oħrajn biex jara li tkun miġġielda u megħluba l-problema tal-għargħar.

Adrian Delia qal li Għawdex intesa għalkollox minn dan il-Gvern, filwaqt li l-korruzzjoni saret l-ordni tal-ġurnata. U għal dan irid iwieġeb il-Prim Ministru Robert Abela, li hu kompliċi għax ma waqqafx il-korruzzjoni li ħakmet il-Gvern tiegħu.