Lokali Qorti

Konrad Mizzi kien naive meta fetaħ trust fil-Panama meta kien f’pożizzjoni ta’ Ministru

“L-eks Ministru Konrad Mizzi kien naive ħafna meta huwa fetaħ trust fil-Panama. Dan id-diskors għedtulu wkoll jien stess. Kont għedtlu x’fettillek. Kieku ried jinvesti xi flus tal-familja seta’ jagħmel dan f’Malta stess.

“L-iżbalji li għamel Konrad Mizzi u sa ċertu punt Keith Schembri wassal għall-fatt li kellu jirreżenja l-Prim Ministru Joseph Muscat persuna li kont viċin ferm tagħha. Minkejja li kont viċin tiegħu pero, qatt ma kont konxju li huwa kien ħabib ta’ Yorgen Fenech.

“Fuq il-proklama li ngħatat lil Melvin Theuma, l-middleman fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, jien ma ddeċidejt xejn, kollox iddeċieda Joseph Muscat, li kien insista mill-ewwel “li ried jerfagħha hu.

“Jien ukoll kontra l-“hate blogs” u għalhekk kont ikkritikajt lil Daphne fuq dan, u naqbel li għall-istejjer investigattivi kienet tajba ħafna. Lanqas ukoll naqbel mal-mod kif kien jikteb fil-blogs Glenn Bedingfield.”

Dan ħareġ mix-xhieda tal-eks Ministru tal-Ġustizzja u llum Ministru tal-Edukazzjoni Owen Bonnici fl-inkjesta li qed issir dwar jekk setax b’xi mod ġie evitat l-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Owen Bonnici fix-xhieda li ta ddistanzja ruħu mill-azzjonijiet tal-kap ta’ Henley and Partners Christian Kalin meta dan kien hedded jiftaħ proċeduri  ta’ libell kontra Daphne Caruana Galizia minħabba dak li kienet tikteb fuq il-kumpanija li kien imexxi.

L-iskambju fuq proċeduri sar permezz ta’ email bejn Kalin, dak iż-żmien il-Prim Ministru Joseph Muscat, iċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u Bonnici, fuq dak li kien ġie espost minn Caruana Galizia.

Kalin, li l-kumpanija Henley & Partners tagħha hija l-konċessjonarja fl-iskema ta’ passaport biex Malta tagħmel il-flus mill-bejgħ tagħhom, kienet qed tfittex permess tal-awtoritajiet Maltin biex tfittex lill-ġurnalista u lid-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.

Owen Bonnici qal li Kalin talab li jiltaqa’ miegħu u hu aċċetta. Matul laqgħa li saret  Kalin kien qal lil Bonnici, “irrid naqsam dan is-sentiment miegħek, li għandek ġurnalista f’Malta li ripetutament qed tikteb artikli li jattakkaw il-kredibilità u r-reputazzjoni tagħna. Qed nikkunsidraw li nipproċedu kontriha.”

Il-Ministru Bonnici qal li meta semgħu jgħid hekk it-tweġiba tiegħu kienet li f’Malta għandna t-tendenza li l-ewwel nibagħtu ittra bonarja biex nippruvaw insolvu kwistjonijiet b’mod amikevoli.

Meta mistoqsi jekk kienx konxju li Joseph Muscat aċċettax il-proposta ta’ Kalin, Bonnici qal li dan kien il-każ kien jiġi kkupjat fl-email. Qal ukoll li madankollu jekk Joseph Muscat wieġeb l-email, allura għandu jixhed dwar dan hu.

Mistoqsi jekk bħala Ministru ħassx il-bżonn li jwieġeb għall-email li tissuġġerixxi azzjoni legali kontra l-media, Bonnici qal, “jekk ried jagħmel hekk, li jieħu passi minn barra kontriha, min jien biex inwaqqfu.

“Dak li għamilt jien kien li ninkoraġġih juża d-djalogu. F’din il-laqgħa, Kalin kien semma li kellu reputazzjoni internazzjonali x’jipproteġi, qal ix-xhud. Dwar Henley & Partners qal li l-irwol tiegħu kien li jipprovdi qafas legali u li ma kellux x’jasam mad-drafting tal-liġi,  u li dan sar mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Mistoqsi jekk kienx ġie introdott ma’ Christian Kalin ta’ Henley & Partners minn Keith Schembri qabel jew wara li ntgħażlu Henley & Partners, qal li l-aħjar dwar dan huwa li jippreżenta d-dettalji li kien ta fix-xhieda tigeħu lill-Public Accounts Committee għax ma jiftakarx sewwa, għax dan imur lura għal 2014.

Il-Ministru qal li dak iż-żmien iċ-ċittadinanza kienet responsabbiltà tal-Ministru tal-Intern Manuel Mallia. Huma kienu qed jaħdmu id f’id fuq dan il-proġett. Qal ukoll li tul is-snin, iltaqa’ xi tlieta jew erba’ darbiet ma’ Christian Kalin.

Dwaru qal li miegħu kellu relazzjoni “ftit partikolari.  Tenna li dan għandu karattru riżervat u “very cold,” “mhux xi wieħed li taqbad titkellem miegħu. Qal ukoll li diffiċli li tagħmel ħbiberija miegħu.

Dwar jekk Kalin kienx involut fid-drafting tal-iskema, l-Ministru qal li mhux infurmat dwar dan. Il-Bord hawn ikkummenta ma’ Bonnici li Daphne Caruana Galizia kienet ippubblikat numru ta’ emails bejn Kalin, Joseph Muscat, Bonnici nnifsu u Jonathan Cardona li kien responsabbli għall-iskema taċ-ċittadinanza:

Fuq dan il-Ministru qal ukoll li hu qatt ma kellu l-indirizz elettroniku owen.bonnici@josephmuscat.com. li ssemma kemm il-darab u saħaq li għandu żewġ indirizzi elettroniċi: wieħed tal-Gvern u ieħor tal-kostitwenza.

L-Avukata Therese Comodini Cachia bdiet tagħmel diversi domandi u staqsiet lil Bonnici biex jiftakar jekk il-laqa’ bejnu u Christian Kalin saritx qabel jew wara ġiet ippubblikata s-sejħa għal investitur għall-programm taċ-ċittadinanza.

“Għandi nifhem li kienet wara. Noqgħod ma’ li xhedt fil-Public Accounts Committee,” huwa qal.  Comodini Cachia staqsiet ukoll jekk fl-iskema tal-IIP kienx Keith Schembri li tah l-għajnuna min-naħa tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Bonnici jgħid li kien hemm persuna li kienet tgħinu li ma jiftakarx x’isimha.

L-avukata Comodini Cachia qalet li Joseph Muscat kellu indirizz elettroniku joseph@josephmuscat.com u staqsiet lix-xhud jekk għandux xi pożizzjoni kontra dan ladarba insista li hu ma kellux indirizz elettroniku hekk.

Huwa reġa’ insista li ma kellux indirizz elettroniku bid-domain li ssemma wkoll fil-media. Bonnici qal li huwa qatt ma ngħata l-impressjoni li l-eks Prim Ministru Muscat kien qed jagħmel xi sforzi żejda fuq il-proġett tal-passaporti. Kien proġett bħall-oħrajn huwa qal.

L-Avukat Comodini Cachia staqsietu għaliex għar-road shows fuq dan il-proġett kien dejjem jattendi l-Prim Ministru u mhux hu. Il-Ministru Bonnici qal li hu kien attenda konferenza f’Londra dwar dan  u kien ma’ Jonathan Cardona, l-Kap Eżekuttiv tal-iskema taċ-ċittadinanzi.

Dwar dak li qal fuq Daphne Caruana Galizia, li hija ‘hate blogger’, qal li hu kien ħa deċiżjoni li ma jagħmilx libelli kontra ġurnalisti u juża d-dritt ta’ risposta.

Tenna iżda li meta kienet tikeb hi u ħaddieħor kienu jiddilettaw b’issues personali. Ħafna ma kienux jaqblu dwar dan. Qal li hemm livell ieħor, tenna li jiftakar fuq blog li għamlet kumment anke fuq l-eks Prim Ministru Dom Mintoff eżatt kif miet.

Tenna li ma kienx jifhem li x-xogħol tajjeb ta’ ġurnaliżmu nvestigattiv li tagħmel, imbgaħad tagħmel kummenti bħal dawn. Darba anke qal li kienet kitbet fuqu li messhom jgħallquh bħal Mussolini.

Fuq meta kien jirreferi għal Daphne bħala ‘hate blogger”, huwa qal li jikkundanna kull kitba mhux xierqa, u meta semma t-terminu ta’ ‘hate blogger’ kellu d-dritt għax ma jaqbilx ma’ “hate blogging”

Fuq mistoqsija oħra dwar jekk kienx konxju li bħala Ministru tal-Ġustizzja kienx qed jitfa’ l-ħatab fuq in-nar, meta jitkellem b’dan il-mod, huwa qal li ma jaħsibx li għax ippostja tliet tweets fuq “hate blogging” kien qed jinstiga xi ħaġa.

Dwar il-blogg ta’ Glenn Bedingfield kien qal ukoll li l-istil ma jogħġbux. Jidhirlu li ma kienx hemm paragun bejn dan il-blogg u dak ta’ Caruana Galizia. Kien hemm żewġ naħat tal-munita f’dak li kienet tikteb Daphne Caruana Galizia.

Ikkonferma wkoll li mhux biss fi tweets semma’ lil Daphne bħala ‘hate blogger’ imma anke fuq xi ġurnal. Comodini Cachia qalet li fit-23 ta’ Marzu 2014, fuq il-Malta Independent kitbet li kien qed jigdeb meta qal li hija kitbet jrid jiġi mgħallaq bħal Mussolini.

Owen Bonnici qal li huwa kin ra dan il-kumment kif rah ukoll ħaddieħor. Qal li huwa ma żammx kopja tiegħu. Kompla jgħid li r-relazzjoni mal-Avukat Ġenerali Peter Grech kienet waħda tajba.  

Il-Bord staqda fuq il-Panama Papers li qajjmet kjass fid-dinja. U ntlab biex jesprimi dwar x’kienet ir-reazzjoni tiegħu meta kien hemm Ministru u Chief of Staff qegħdin jissemmew. Qal li wieħed ikollu trust f’ġurisdizzjoni lokali huwa legali, iżda li jkollok trust barra l-pajjiż jibgħat messaġġi negattivi.

“Li Ministru jiftaħ trust il-Panama hija xi ħaġa ‘naive” u kien kellem lil Konrad Mizzi dwar dan. Jekk għandu l-assi tiegħu u jrid jagħmel trus tseta’ jagħmlu f’ġurisdizzjoni oħra.

“Dwar dan saru diskussjonijiet interni dwar dan u l-Ministru tkellmu mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat wieħed wieħed u konsegwenza ta’ dan Mizzi tneħħa minn Deputat Mexxej, u spiċċa Ministru bla portafoll.

L-Imħallef Abigail Lofaro qalet li iżda xorta l-proġetti baqgħu taħt Konrad Mizzi. Bonnici jgħid li jekk l-azzjoni kienitx biżżejjed jew le dan huwa argument ieħor.  

Kompla jgħid li l-ironija hi biex ir-responabbilità kollha ħadha fuq spallejh Joseph Muscat għax spiċċa biex irriżenja u dan ukoll ftit wara li kien tressaq Yorgen Fenech.

Ix-xhud qal ukoll li wara ġew pubblikati l-listi ta’ persuni ta’ kemm infetħu trusts, sostna li ħafna oħrajn, fil-maġġoranza tagħhom nies tan-negozju. Jekk wieħed ikun ġej mid-dinja tan-negozju għamndux ikollu trust il-Panama, dak huwa argument ieħor.

Qal ukollli dwar dan infetħu għadd ta’ inkjesti Maġisterjali li ġew allokati fondi kbar għalihom. Qal li mingħajr ma jitfa’ pressjoni fuq il-Maġistrati, jixtieq li dawn l-inkjesti jiġu konklużi malajr.

Il-Ministru jgħid li qatt ma ra xi uffiċċju ta’ Nexia BT Kastilja. F’seba’ snin, lil Brian Tonna rah darba f’Kastilja. Il-Bord staqsa li fid-dinja kien hemm sensazzjoni kbira dwar il-Panama Papers u 17 Black, u f’Malta qiesu ma kien qed jiġri xejn.

Minkejja kollox qal ix-xhud Joseph Muscat dejjem ħa l-azzjonijiet li kellu jieħu biex l-omiċidju ta’ Caruana Galizia jissolva. Fuq 17 Black? Ix-xhud qal li hemm elenku ta’ nies li għamlu l-istess. Hawn l-eks Imħallef Michael Mallia jgħidlu li dawn mhumiex politiċi.

Dwar ir-reazzjonijiet fil-kabinett kienu li ħadd ma ħa pjaċir u li hu fil-Parlament kien qal li trid issir investigazzjoni fuq 17 Black. Huwa qal li lill-Maġistrat kien tahom ir-riżorsi kollha.

Wara li ħarġet ta’ 17 Black sar l-assasinju Bonnici qal li mill-ewwel emmen li ‘ħajjitna se tinbidel’ kienu saru ħafna laqgħat u fil-kabinett kienu ikun preżenti Keith Schembri. F’laqħat oħra kien ikun preżenti imma mhux dejjem.

Ix-xhud qal li hu personali ma kienx ikun preżenti fil-briefings kollha, l-aktar li kien ikun preżenti huwa dwar il-maħfra mitluba minn Vince Muscat, il-Koħħu, hawn qal li Keith Schembri kien ikun ukoll preżenti. Fuq il-maħfra ta’ Melvin Theuma saħaq li kien il-Prim Ministru Joseph Muscat li ħadha f’idejh kompletament. 

Meta sema’ li xi ħadd kien qed jagħti nformazzjoni anke meta se jsiru xi briefings u dwar x’kien jiġi diskuss, huwa kien ixxokkjat. Il-Ministru Bonnici jgħid dwar Keith Schembri, “Ma naħsibx li hu minnu li hu involut fl-omiċidju. Milli rajt quddiemi, Keith Schembri kien qed jgħin biex jissolva l-omiċidju.”

Bonnici qal li ma kienx mistieden għall-festin ta’ Joseph Muscat fil-Girgenti. Qal li minkejja li huma ħbieb kien biss darba li ħarġu jieklu flimkien Qal li ma kienx jaf li Joseph Muscat u Yorgen Fenech kienu ħbieb.

Rigward jekk hu kienx jaf lil Yorgen Fenech qal li le, u li darba b’kumbinazzjoni ltaqa’ miegħu l-ajruport meta kien se jaqbad ajruplan għal Malta, wara l-elezzjoni tal-2017. Dakinhar sar jaf li jeżisti Fenech.

Dwar Brian Tonna l-Ministru qal li sema’ bih meta darba kien qiegħed idur il-ħwienet  f’Wied il-Għajn, peress li kellu uffiċċju hemmhekk. Qal li ħafna minn-negozji kienu jinqdew għandu għal xogħol ta’ accountancy.

Tenna li għas-servizzi tiegħu ta’ avukat iddeċieda li jibda jinqeda minn Brian Tonna. Qal li meta sar Segretarju Parlamentari, kellu dritt jaħtar żewġ konsulenti fejn Ministru jista’ jaħtar erbgħa.

Fl-2014, meta sar Ministru, iddeċieda li jaħtar lil Brian Tonna konsulent fil-Kultura. Kellu bżonn ħafna assistenza fejn jidħlu fondi Ewropej biex jiftaħ il-mużew Muża u MICAS. Bonnici jgħid li Tonna ma kellux uffiċċju għandu. Qal li fil-bidu meta nħatar konsulent, kien impjegat full-time.

L-Avukat Comodini Cachia staqsiet għaliex xorta żammu bħala konsulent tiegħu wara li ħareġ li Tonna kien involut fil-ftuħ ta’ kont ta’ Konrad Mizzi fil-Panama.

Qal li l-ewwel iddeċieda li jaqilbu part-time u metaf’Ġunju tal-2017 reġa’ ġie elett  ħa d-deċiżjoni li ma jżommx il-konsulenza ta’ Brian Tonna. Comodini Cachia staqsietu jekk kienx hemm kunflitt ta’ interess billi Tonna kien konsulent ta’ Keith Schembri, Konrad Mizzi, u kien qed jiġi investigat b’rabta mal-allegazzjonijiet fl-FIAU.

Bonnici qal li sar jaf b’dan f’Mejju tal-2017 u li fl-1 ta’ Mejju tħabbret li se ssir l-elezzjoni f’Ġunju tal-2017. Qal li Brian Tonna kien konsulent tiegħu minn Awwissu tal-2014 sa Awwissu tal-2017.

Comodini Cachia staqsiet jekk ix-xhud kienx jaf li bejn l-2013 u l-2017 Tonna tant ingħata direct orders, li kienu jammontaw għal €2.4 miljun. Bonnici wieġeb fin-negattiv u qal li hu tahx direct orders.

Qal ukoll li direct order mhijiex xi ħaġa ħażina. Il-Ministru qal li li hu ħatar lil Brian Tonna bħala konsulent b’għażla tiegħu, ma ħareġ l-ebda sejħa pubblika.

L-Avukat Comodini Cachia staqsiet dwar is-sentenza li kienet inqatgħet fil-konfront tal-Ministru Bonnici meta nstab ħati li kiser id-dritt tal-attivisti meta huwa ordna li l-mafkar għal Daphne Caruana Galizia jitneħħa. Qalet li l-Ministru kien qal li din kienet deċiżjoni li ttieħedet b’mod kolleġjali.

Il-Ministru qal li għal madwar sena wara l-assassinju, ix-xemgħat u l-fjuri fuq il-monument tal-Assedju l-Kbir ma ntmessux, iżda mbagħad bdew jinqalgħu inċidenti minħabba dan il-monument. In-nies bdew jargumentaw dwaru, saħansitra persuna spiċċat l-isptar.

Bonnici ddeċieda li l-aħjar għażla tkun li dak li jitwaħħal mal-monument jitneħħa. Madankollu,qal il-Qorti ma qablitx ma’ din id-deċiżjoni. li l-Kabinett ma ddiskutihiex din id-deċiżjoni, imma hu ġieli ddiskuta l-kwistjoni ma’ sħabu tal-Kabinett.

Jgħid li barra minn Malta, jekk ikun hemm mafkar, hemm żmien sakemm jinżamm il-mafkar. Huwa ġab eżempji miegħu, dwar dak li jiġri fi Franza. Dwar dak li xehed fl-inkjesta, l-Avukat Arthur Azzopardi, li għamel żmien avukat ta’ Vince Muscat, wieħed mill-irġiel mixlija bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Bonnici qal li xtaq jiċċara punt.

U dan li meta kien iltaqa’ miegħu Wied il-Għajn kien qallu li ma jaqbilx li proklama tingħata li,l tnejn  minn nies. L-inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia hija inkarigata, fost affarijiet oħra, biex tiddetermina jekk l-Istat għamilx dak kollu li seta’ biex il-qtil ma jseħħx.

Caruana Galizia ġiet maqtula f’karozza bomba eżatt barra d-dar tal-Bidnija tagħha fis-16 ta ’Ottubru 2017. Tliet irġiel, George Degiorgio, Alfred Degiorgio u Vince Muscat, ġew akkużati li wettqu l-assassinju, filwaqt li Yorgen Fenech huwa akkużat li huwa l-moħħ wara dan il-qtil.

Melvin Theuma, li aġixxa bħala intermedjarju bejn Fenech u t-tliet qattiela, ingħata maħfra presidenzjali s-sena li għaddiet biex tgħid kollox. L-inkjesta hija mmexxija mill-Imħallef irtirat Michael Mallia, u tinkludi lill-Imħallef Emeritus Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro. L-inkjesta se tkompli fit-30 ta’ Settembru.