Il-Pulizija għandha f’idejha kopja tar-rapport tal-inkjesta li ntemmet jumejn ilu u li kellha l-għan li tikxef jekk l-eks Chief of Staff ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri, kienx irċieva €100,000 mingħand Brian Tonna ta’ Nexia BT fi flus maħmuġin minn fuq l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti.
Wara li l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg ċaħdet it-talba ta’ Simon Busuttil, li talab l-inkjesta f’April tal-2017, biex ikollu kopja tar-rapport, issa sar magħruf li l-Pulizija għandha f’idha kopja tal-istess rapport. Dan jindika li l-Pulizija qed tagħrbel ir-rapport sabiex qabel tiddeċiedi jekk tieħux passi kontra l-eks Chief of Staff ta’ Muscat.
Wara li meta nkixfet it-tranżazzjoni ta’ €100,000 bejn Tonna u Schembri, iż-żewġt irġiel kienu qalu li dan kien ħlas lura ta’ flus li ngħataw bħala self minn Schembri lid-direttur ta’ Nexia BT, rapport tal-FIAU li kien ġie llijkjat ftit tal-jiem wara kien wera li dan ma kienx minnu u kixef ukoll għadd ta’ tranżazzjonijiet minn klijenti Russi lil Brian Tonna f’kont fil-bank Pilatus. Jiem biss wara mbagħad, saru żewġ pagamenti ta’ €50,000 il-wieħed f’kont ta’ Schembri fl-istess bank.
Il-Bank Pilatus eventwalment ingħalaq mill-Bank Ċentrali Ewropew f’Novembru tal-2018 wara li kien sar is-suġġett ta’ għadd ta’ investigazzjonijiet dwar frodi u ħasil ta’ flus.
//= $special ?>