Edukazzjoni Lokali

L-iskejjel tal-Knisja preparati għal-lezzjonijiet online

"Ċirkustanzi jistgħu jfixklu l-ftuħ tal-iskejjel b’mod sigur"

“L-iskejjel tal-Knisja qed jaħdmu qatigħ sabiex jiftħu u jilqgħu lill-istudenti u l-edukaturi f’ambjent kemm jista’ jkun sigur.”

Hekk intqal fi stqarrija maħruġa mis-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija fejn ingħad li ż-żieda fit-trażmissjoni tal-Covid-19 fil-komunità fl-aħħar jiem huwa ta’ “tħassib serju”.

Huma nsistew li s-saħħa u s-sigurtà tal-istudenti, tal-istaff kollu u tal-familji tagħhom, u tal-komunità inġenerali, jibqgħu prijorità ewlenija għall-iskejjel tal-Knisja iżda żiedu li ninsabu f’ċirkustanzi jistgħu jfixklu l-ftuħ tal-iskejjel b’mod sigur.

Għaldaqstant ingħad li ladarba l-iskejjel ma jkunux jistgħu jiftħu fiżikament, is-sena akkademika fl-iskejjel tal-Knisja xorta waħda għandha tibda fid-data stabbilita b’lezzjonijiet online, live jew irrekordjati – bil-lezzjonijiet jingħataw mill-għalliema li jkunu qed jaħdmu mill-iskejjel rispettivi.

Intant intqal li preżentament qed isir ħafna xogħol bl-iskejjel tal-Knisja għaddejjin b’diskussjonijiet kontinwi mal-Ministeru tal-Edukazzjoni u mal-MUT sabiex tinstab soluzzjoni aħħarija dwar kif fost oħrajn ser ikunu qed jinfetħu l-iskejjel Maltin u Għawdxin b’appell wieħed, dak li jiġi żgurat l-ogħla livell ta’ sigurtà għall-ħaddiema u l-istudenti.