Sport Waterpolo

Neptunes jirkupraw u jirbħu wara rimonta Slimiża u San Ġiljan pass bogħod mill-finali

Stewart Said

SLIEMA FRANK SALT………….. 8

NEPTUNES……………………………. 10

(1-1), (1-3), (4-1), (2-4)

Iċ-champions Neptunes għamlu pass importanti li jilagħbu l-finali tal-play-off b’rebħa missielta kontra Sliema Frank Salt. Partita bilanċjata tipika bejn dawn iż-żewġ rivali.

Għalkemm Sliema baqgħu ma rebħux f’konfront dirett kontra Neptunes jew San Ġiljan f’dan is-sajf, tjiebu mill-aħħar partiti u jekk jibnu fuq il-prestazzjoni li kellhom, jistgħu jimmiraw għar-rebħa fit-tieni logħba li għalihom hi deċiżiva.

Gabriel Pace poġġa lil Neptunes minn fuq f’okkażjoni ta’ raġel aktar iżda minuta wara Liam Galea ġab id-draw. Neptunes irnexxielhom imorru 4-1 minn fuq fit-tieni sessjoni b’doppjetta ta’ Stevie Camilleri u gowl ta’ Jake Muscat, b’Nicholas Bugelli jnaqqas id-distakk madwar żewġ minuti mit-tmiem tas-sessjoni.

Reazzjoni minn Sliema fit-tielet sessjoni li ħasdu lill-avversarji. Huma mhux biss irkupraw l-iżvantaġġ doppju, iżda qelbu r-riżultat għal 6-4 sa nofs is-sessjoni. John Brownrigg darbtejn, Jerome Gabarretta u Michael Spiteri Staines skorjaw għal Sliema, b’Jeremy Abela jnaqqas id-distakk minn man-up.

Botta u risposta fl-aħħar sessjoni li kienet dik deċiżiva. Jordan Camilleri ġab id-draw minn man-up ieħor, Bugelli għamel l-iskor 7-6 sakemm fl-azzjoni sussegwenti Stevie Camilleri ġab id-draw minn penalty.

Sa tliet minuti u nofs mit-tmiem, l-iskor kien 7-7 sakemm Stevie Camilleri skorja minn man-up. Gowl sabiħ ta’ Nikolai Zammit minn angolu ristrett deher li għalaq il-logħba iżda 15-il sekonda wara, Spiteri Staines naqqas id-distakk minn penalty.

B’minuta u 23 sekonda mit-tmiem u distakk ta’ gowl, tmiem eċċitanti biż-żewġ kowċis isejħu time-out. Alan Borg Cole kien strumentali meta salva mill-viċin filwaqt li fl-aħħar attentat Slimiż, Stevie Camilleri ssiġilla r-rebħa mat-tisfira finali f’lasta vojta.

Sliema: N. Grixti, J. Gabarretta (1), L. Galea (1), J. Sciberras, M. Meli, B. Cachia, M. Spiteri Staines (2), J. Soler, J. Brownrigg (2), Z. Mizzi, N. Bugelli (2), Z. Sciberras

Neptunes: A. Borg Cole, J. Muscat (1), L. Calleja, G. Pace (1), S. Busuttil, J. Spiteri Staines, S. Camilleri (4), J. Camilleri (2), J. Abela (1), N. Zammit (1), S. Stellini, S. Gialanze, B. Busuttil

Referees: Massimo Angileri, Ronnie Spiteri

SAN ĠILJAN TUM INVEST….. 15

SIRENS MECCA MARIN……….. 5

(4-0), (5-1), (1-2), (5-2)

Kif mistenni, San Ġiljan TUM Invest urew il-potenzjal tagħhom biex ftit sabu diffikultà u assiguraw l-ewwel rebħa mis-semifinali fuq l-aqwa minn tliet logħbiet. Id-differenza bejn it-tnejn kienet evidenti u l-Ġiljaniżi żammew mal-aspettattiva.

Il-kowċ Dorian Pisani kien żgur sodisfatt bil-bidu tat-tim Ġiljaniż  hekk kif permezz ta’ Ben Plumpton, Dino Zammit u Matthew Zammit fetħu vantaġġ ta’ 3-0 fl-ewwel nofs tas-sessjoni, b’Dino Zammit jiskorja r-raba’ gowl minn penalty.

Sirens ittantaw jippruvaw jidħlu fil-logħba b’gowl kmieni fit-tieni sessjoni ta’ Ken Erdogan iżda San Ġiljan mill-ewwel wieġbu tant li tul is-sessjoni kienu diġà għalqu l-logħba. Fatt interessanti li mill-ħames gowls skorjati, niżżel ismu l-gowlkiper Jake Tanti li skorja mil-lasta tiegħu hekk kif il-ballun qarraq b’Joseph Parnis meta nqabad barra u l-ballun ħabat quddiemu.

It-tieni parti tal-logħba naqqset ftit mir-ritmu, b’San Ġiljan jikkontrollaw filwaqt li l-għan ta’ Sirens aktar kien li jagħmlu l-iskor rispettabbli, minkejja li dehru ftit għajjiena fiżikament. Wara li Sirens rebħu t-tielet sessjoni, San Ġiljan reġgħu għollew il-livell b’doppjetti ta’ Plumpton u Matthew Zammit kif ukoll gowl taż-żagħżugħ Zach Micallef lejn it-tmiem.

San Ġiljan: J. Tanti (1), K. Tanti, A. Galea, D. Ciantar, M. Mannino (1), M. Zammit (4), B. Plumpton (4), J. Bonavia (1), Z. Micallef (1), Da. Zammit, P. Fava (1), Di. Zammit (2), G. Vassallo, M. Ortoleva

Sirens: J. Parnis, J. Ciantar, K. Erdogan (1), G. Melillo, J. Zerafa Gregory, T. Said (2), L. Falzon, I. Riolo, J. Napier, M. Cutajar, M. Sciberras, M. Azzopardi (1), O. Gauci, G. Farrugia (1), G. Sammut

Referees: Peter Balzan, Stefan Licari