Lokali

Raġel arrestat b’rabta ma’ serqa ta’ makkinarju tal-iskavar f’Ħal Qormi

Raġel mill-Mosta ġie arrestat b’rabta ma’ serqa ta’ makkinarju ta’ skavar minn sit ta’ kostruzzjoni f’Ħal Qormi.

Il-każ seħħ fil-lejl ta’ bejn l-Erbgħa u l-Ħamis fi Triq l-Erba’ Qaddisin fejn mill-ewwel investigazzjonijiet tal-Pulizija rriżulta li l-makkinarju misruq kien jinsab f’razzett fl-Imtaħleb, fil-limiti tar-Rabat.

Għaldaqstant il-Pulizija mid-Distrett ta’ Ħal Qormi, flimkien ma’ dawk tad-Distrett tar-Rabat u tal-RIU marru fil-post fejn sabu l-imsemmi makkinarju u s-suspettat ta’ 49 sena.

Fi tfittxija ulterjuri li saret nstabu vetturi oħra, uħud minnhom żarmati, li kienu rrapportati misruqa bejn Marzu u Lulju 2020.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Doreen Clarke li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta.