Iċ-Ċina qalet li qed tmexxi l-eżerċizzji militari fil-madwar tal-gżira tat-Tajwan, bil-għan li ‘tipproteġi s-sovranità tagħha’. L-eżerċizzji taċ-Ċiniżi, intant, kienu suġġetti għal osservazzjoni partikulari peress li saru fi żmien meta uffiċjal ewlieni tal-Istati Uniti għaddej bi żjara sinifikanti fit-Tajwan. Fil-fatt, l-uffiċjal inkwistjoni, Keith Krach, hu l-ogħla uffiċjal mid-Dipartiment tal-Istat Amerikan li żar lit-Tajwan għal għexieren ta’ snin.
Iċ-Ċina tqis lit-Tajwan bħala provinċja ribelluża ‘tagħha’ u ma eskludiet qatt għall-possibbiltà li tuża l-forza militari biex il-gżira-Stat ‘tirritorna taħt l-amministrazzjoni ta’ Beijing’.
Intant, l-aħħar eżerċizzji tal-militar Ċiniż – karatterizzati minn hekk-imsejħa live-fire drills – kienu qed isiru wkoll fi żmien meta r-relazzjonijiet ta’ Beijing mal-Istati Uniti għaddejjin minn żmien pjuttost ħażin u diffiċli.
L-Istati Uniti ma żammet lura qatt milli ttenni l-appoġġ tagħha għat-Tajwan bħala pajjiż sovran u indipendenti, bid-dritt li jmexxi l-affarijiet tiegħu.
Sadanittant, kelliema għall-Ministeru tad-Difiża Ċiniż akkużaw lill-Istati Uniti u t-Tajwan dwar ‘żieda fil-kollużjoni, bir-riżultat li (huma) qegħdin jaqilgħu l-inkwiet ( fis-sitwazzjoni maċ-Ċina)’. Fl-istess ħin, il-kelliema Ċiniżi ma għamlu l-ebda referenza għaż-żjara ta’ Krach fit-Tajwan.
Madankollu, il-Gvern Ċiniż komunista baqa’ jinsisti li ‘l-Istati Uniti mhi se tasal imkien jekk qed taħseb li tista’ tuża lit-Tajwan u elementi barranin oħrajn biex tikkontrolla liċ-Ċina’. Kien hemm ukoll theddida ċara min-naħa ta’ Beijing fis-sens li ‘min jilgħab man-nar ikun qed jissogra li jinħaraq’.
Filwaqt li ma ngħatawx dettalji dwar l-aħħar eżerċizzji militari taċ-Ċina – fejn kienet involuta fergħa partikulari tal-Armata (Ċiniża) għal-Liberazzjoni tal-Poplu, il-Gvern f’Beijing fisser l-eżerċizzji bħala ‘leġittimi u neċessarji biex iċ-Ċina tipproteġi s-sovranità u l-integrità tagħha’.
L-eżerċizzji, fil-fatt, kienu qed isiru ġimgħatejn wara eżerċizzji simili tal-militar Ċiniż ‘fuq skala kbira’ ‘il hinn mill-kosta tat-Tajwan, lejn il-lbiċ.
L-osservaturi, intant, qed jgħidu li ċ-Ċina, permezz ta’ dawn l-eżerċizzji, qed ‘twissi lil Washington’ biex ma jipperikolax il-bilanċ fil-kwistjoni tat-Tajwan, meta s-sitwazzjoni delikata kienet rispettata dejjem mill-Gvernijiet Amerikani preċedenti.
Dan meta l-Partit fil-Gvern tat-Tajwan u s-sostenituri tiegħu jidhru li qegħdin jaraw it-Tmexxija tal-President Amerikan Donald Trump bħala ‘opportunità’ biex jinsistu għal rabtiet eqreb ma’ Washington. Il-Gvern Tajwaniż qiegħed jaħdem ukoll lejn il-kisba ta’ għarfien internazzjonali għat-Tajwan bħala pajjiż indipendenti.
L-aħħar rapporti qalu li Keith Krach, is-Sottosegretarju Amerikan għall-Affarijiet Ekonomiċi, kien qed iżur it-Tajwan biex jattendi s-servizz ta’ tifkira ta’ tmiem il-ġimgħa għall-eks President Tajwaniż, Lee Teng-hui.
Intant, il-programm ta’ Krach jinkludi wkoll laqgħa fit-tul, f’Tajpej, mal-President tat-Tajwan, Tsai Ing-wen.
//= $special ?>