Il-President tal-Veneżwela, Nicolas Maduro, enfasizza li hu ‘impossibbli’ li pajjiżu jipposponi l-elezzjonijiet għall-Parlament li huma programmati għas-6 ta’ Diċembru.
Maduro għamilha ċara li l-elezzjonijiet se jsiru ‘skont il-programm’ meta kien qed iwieġeb għar-rakkomandazzjonijiet tar-rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-vot polemikuż ta’ Diċembru.
Il-Veneżwela, fil-preżent, qed tbati minn kriżi kbira ekonomika u politika – b’miljuni ta’ nies jaħarbu mill-pajjiż fl-aħħar snin.
Sadanittant, l-investigaturi tan-Nazzjonijiet Uniti qed jgħidu li l-Gvern immexxi minn Maduro ‘wettaq numru ta’ abbużi li jridu jitqiesu fuq il-livell ta’ reati kontra l-umanità’.
Diversi każi ta’ qtil, tortura u għajbien ta’ persuni fil-Veneżwela kienu investigati waqt missjoni għall-ġbir ta’ fatti li tmexxiet mill-Kunsill tan-NU għad-Drittijiet Umani – bil-kelliema għall-missjoni jsostnu li ‘Maduro, flimkien ma’ uffiċjali oħra tal-Gvern, huma implikati f’dawn il-każi’.
Ir-rapport itenni li ‘il-President Maduro u l-Ministri ( rispettivi) għad-Difiża u l-Intern mhux talli kienu konxji mir-reati iżda taw direttivi, ħadu sehem f’numru ta’ azzjonijiet u anki provdew ir-riżorsi ( biex jitwettqu r-reati inkwistjoni)’.
Madankollu, l-Ambaxxatur tal-Veneżwela għan-NU, Jorge Valero, irrefera għall-missjoni bħala ‘inizjattiva ostili’ fil-konfront ta’ pajjiżu.
//= $special ?>