Lokali Qorti

27 immigrant jinżammu arrestati

Mill-Arkivji

27 immigrant inżammu taħt arrest wara li s-Sibt tressqu l-Qorti. Il-persuni huma ssuspettati li kienu involuti fl-irvellijiet li saru fiċ-ċentru tal-immigranti ta’ Ħal Safi, li matulu ħarbu għadd ta’ immigranti, li nqabdu iktar tard, u ġew feruti erba’ pulizija.

L-ewwel grupp li tressaq quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit kien ta’ seba’ immigranti u kienu akkużati li kienu f’ġemgħa ta’ iktar minn 10 persuni bil-ħsieb li jwettqu l-ħsara, li m’obdewx l-ordnijiet tal-awtoritajiet, li kebbsu n-nar f’saqqu, u li ħarbu miċ-ċentru tad-detenzjoni.

Il-gruppi l-oħra li b’kollox kienu jikkonsistu f’20 persuna, 5 kienu mis-Sudan, kollha kienu akkużati li qalgħu l-inkwiet iżda mhux li ħarbu.

L-immigranti kollha wieġbu li mhumiex ħatja, bil-Qorti tordna li jinżammu arrestati fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, u mhux fiċ-ċentru ta’ Ħal Safi, biex ikun evitat irvell ieħor. Fil-każ tal-minuri l-Qorti rrakkomandat li dawn jinżammu fis-sezzjoni taż-żgħażagħ YOURS.

Għall-immigranti deher l-avukat tal-għajnuna legali Martin Fenech, filwaqt li l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Janette Grixti.