Coronavirus Lokali

Covid-19: Malta tibki żewġ vittmi oħra fl-aħħar 24 siegħa

Il-Ministeru għas-Saħħa kkonferma li żewġ anzjani ta’ 72 u 86 sena rispettivament  mietu waqt li kienu għadhom każijiet attivi bil-Covid-19.

L-ewwel każ huwa ta’ mara ta’ 72 sena, li ddaħħlet l-isptar Mater Dei fil-11 ta’ Awwissu u ttestjat pożittiva għall-Covid-19 fit-12 ta’ Awwissu. Hija ġiet trasferita fit-taqsima tal-Kura Intensiva fil-15 ta’ Awwissu, fejn kienet baqgħet rikoverata. L-anzjana mietet matul dan il-lejl.

Anzjana oħra ta’ 86 sena wkoll mietet dal-lejl fit-taqsima tal-Kura Intensiva f’Mater Dei. Fit-tieni każ, l-anzjana ittestjat pożittiva fit-8 ta’ Settembru u ddaħħlet l-Isptar Mater Dei fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fis-16 ta’ Settembru. 

Kuntrarju għas-soltu, il-Ministeru għas-Saħħa fl-ebda ħin ma qal li dawn il-vittmi kellhom xi kundizzjonijiet ta’ saħħa oħrajn.