Malta tibki tliet vittmi oħra ta’ Covid-19, hekk kif pajjizna rregistra erba’ fatalitajiet f’temp ta’ jumejn, bl-ammont ta’ vittmi issa jlaħħaq l-20 persuna. Din kienet l-agħar ġurnata f’kuntest ta’ fatalitajiet tal-Covid.
Il-każijiet ġodda f’pajjiżna bejn il-Ġimgħa u Sibt kienu 65.
Net News tul il-lejl kkonferma li persuna kienet tilfet ħajjitha minħabba l-Covid-19. Il-Ministeru tas-Saħħa, wara 12-il siegħa fil-muta, ħareġ żewġ stqarrijiet li fihom ikkonferma mhux biss fatalità waħda…. imma tlieta.
L-ewwel każ kienu ta’ mara ta’ 72 sena, li ddaħħlet l-isptar Mater Dei fil-11 ta’ Awwissu u ttestjat pożittiva għall-Covid-19 fit-12 ta’ Awwissu. Hija ġiet trasferita fit-taqsima tal-Kura Intensiva fil-15 ta’ Awwissu, fejn kienet baqgħet rikoverata. L-anzjana mietet matul dan il-lejl.
Anzjana oħra ta’ 86 sena wkoll mietet dal-lejl fit-taqsima tal-Kura Intensiva f’Mater Dei. Fit-tieni każ, l-anzjana ittestjat pożittiva fit-8 ta’ Settembru u ddaħħlet l-Isptar Mater Dei fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fis-16 ta’ Settembru.
Kuntrarju għas-soltu, il-Ministeru għas-Saħħa fl-ebda ħin ma qal li dawn il-vittmi kellhom xi kundizzjonijiet ta’ saħħa oħrajn.
Intant it-tielet mewta kienet ta’ raġel ta’ 85 sena. L-anzjan kien ikkonfermat pożittiv għall-Covid-19 fit-12 ta’ Settembru meta ddaħħal l-Isptar Mater Dei. Huwa miet fl-Infection Diseases Unit, fl-Isptar Mater Dei. Huwa kellu kundizzjonijiet ta’ saħħa ulterjuri.
Fl-aħħar sigħat kellna wkoll 65 każ ġdid, filwaqt li l-każijiet attivi żdiedu b’41. Bit-total tal-każijiet attivi jitla’ għal 732 – fatt illi jikkonferma li għadna qed naffaċjaw it-tieni mewġa ta’ din il-pandemija.
Mill-każijiet kollha li kellna il-Ġimgħa rriżulta li 10 kienu ta’ qraba, 3 każijiet kienu ta’ persuni li kellhom kuntatt dirett ma’ persuna infettata, 3 mid-Dar tal-Anzjani ta’ San Ġużepp, każ minn Casa Antonia, każ minn laqgha soċjali u każ li ttieħed minn fuq post tax-xogħol. Dan ifisser li l-każijiet l-oħrajn – kważi n-nofs ta’ dak li tħabbar il-Ġimgħa – kienu kollha sporadiċi.
Aħbar pożittiva hi li fl-aħħar 24 siegħa fiequ 21 pażjent minn din l-imxija.
Il-ġimgħa li għaddiet – fit-28 ġimgħa tal-pandemija – pajjiżna ra żieda ta’ kważi 400 każ ġdid, illi kien ammont rekord. Bil-Professur Charmaine Gauci issa qed tappella lin-nies sabiex jużaw il-maskri protettivi il-ħin kollu, meta jkunu barra.
Intant…fi stqarrija maħruga fl-aħħar sigħat, it-tobba li jieħdu ħsieb l-anzjani appellaw biex mill-ġdid tiddaħħal Emerġenza tas-Saħħa Pubblika.