Futbol Sport

Draw ġust fl-ewwel partita tal-istaġun

(Ritratt: Matthew Tabone)

Żejtun Corinthians…………………………………………….2

Santa Lucia…………………………………………………………2

Żejtun: C. Cassar, D. Albanese, L. Moreira Gama, D. Reid, J. Suda, R. Do Nascimento Santos, M. Muniz Pereira, G. Bugeja (E. Herrera 78), J. Fernando Gomes (C. Grech 89), G. Azzopardi, A. De Barros (A. Agius 57)

Santa Lucia: A. Vella, A. Prates Rodrigues, Junio Durate Da Silva, K. Correia, L. Motta Dos Santos (J. Delmar), K. Ante Rosero, V. Prestes Filho, M. Camilleri, J. Zerafa, A. Vella (K. Xuereb), R. Tachikawa

L-ewwel partita tal-istaġun ntemmet fi draw ta’ 2-2 bejn Żejtun Corinthians u Santa Lucia. L-ewwel għaxar minuti tal-partita kienu bilanċjati biż-żewġ timijiet jissieltu għall-ballun f’nofs il-grawnd, b’Santa Lucia jkollhom xi ftit aktar mill-pusses. Fit-12 –il minuta Żejtun resqu viċin li jiftħu l-iskor meta f’azzjoni tajba bejn Reid u Robeiro, kien Reid li ra l-koklużjoni tiegħu tkun imblukkata b’mod tajjeb minn Vella. Żejtun għal darb’oħra perikolużi meta fis-17 –il minuta minn corner ta’ Jurgen Suda, Vella tajjar qasir u x-xutt ta’ Fernando Gomes għadda ftit barra. Żewġ minuti wara minn pass ta’ Bugeja Robeiro kkonkluda ċentrali biex Vella salva mingħajr diffikultà. It-tim imexxi minn Orosco Anonam kellu ċans ieħor fis-27 minuta meta Reid naqas milli jimpenja lil Vella minn pożizzjoni komda.

Prates Rodrigues setgħa tefa’ lil Santa Lucia fil-vantaġġ meta minn freekick ta’ Mottas Dos Santos għola waħdu bir-ras iżda naqas milli jimpenja lil Cassar. Santa Lucia marru fil-vantaġġ fit-33 minuta permezz ta’ KEVIN ANTE ROSERO li wara li rċieva minn pass fit-tul, bil-kalma kollha kkonkluda minn taħt Cassar. Nuqqas ta’ komunikazzjoni fid-difiża ta’ Żejtun setgħat twassal għat-tieni gowl ta’ Santa Lucia iżda Bugeja kien f’pożizzjoni tajba biex neħħa l-periklu. Fit-43 minuta Żejtun resqu viċin li jġibu d-draw meta minn pass tajjeb ta’ Robeiro x-xutt ta’ Jurgen Suda ħakkek mal-mimduda u għadda barra.

Fit-tieni taqsima l-partita kompliet tiżvolġi f’nofs il-grawnd u kien fis-60 minuta li Santa Lucia resqu viċin li jirduppjaw b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ Rei Tachikawa. Jurgen Suda kellu ċans iġib d-draw fit-63 minuta meta l-konklużjoni tiegħu għaddiet ftit barra. Żejtun ġabu d-draw fis-66 minuta meta minn pass tajjeb ta’ Marcelo Pereira Muniz, kien DAVID REID KEMAR li kkonkluda fil-baxx għal 1-1. Żejtun dawwru l-partita fl-74 minuta permezz ta’ JOSE FERNANDO GOMES JUNIOR wara li rċiev mingħand Jurgen Suda.

It-tim ta’ Oliver Spiteri ġab d-draw żewġ minuti biss wara meta minn cross ta’ Rei Tachikawa kien KEVIN ANTE ROSERO li kkonkluda b’xutt mill-ewwel. Żejtun lejn it-tmiem kienu aktar perikolużi meta l-konklużjonijiet ta’ Reid u Albanese kienu salvati b’mod tajjeb minn Vella.