Għada l-Ħadd se ssir maratona l-ġbir ta’ fondi ‘Għinuna Ngħinukom’ organizzata mill-fondazzjoni The Malta Community Chest Fund Foundation. Il-flus miġbura se jmorru għal dawk l-aktar fil-bżonn, fosthom persuni li jieħdu l-kura għall-kanċer barra minn xtutna.
Ħafna jassoċjaw il-maratoni li jsiru minn din-fondazzjoni ma’ żmien il-Milied hekk kif l-għada tal-Milied issir l-Istrina, iżda din is-sena il-President ta’ Malta, George Vella ra li kien hemm bżonn aktar fondi hekk kif l-imxija tal-COVID-19 ġabet lill-fondazzjoni għarkuptejha hekk kif għadd ta’ attivitajiet, fosthom il-ġirja annwali, kellhom jitħassru.
Fl-aħħar ġimgħat, il-fondazzjoni kienet ħabbret li t-talbiet għall-għajnuna żdiedu bil-fondi naqsu drastikament. Dan hekk kif minkejja l-pandemija waqqfet ħafna affarijiet, il-każi tal-kanċer u ċirkustanzi ta’ faqar qatt ma waqfu, tant li l-fondazzjoni toħroġ mal-miljun ewro kull sena f’għajnuniet.
Fl-aħħar ġimgħat ġiet imnedija skema mill-President ta’ Malta fejn wieħed jista’ jagħti parti mill-paga tiegħu lill-Community Chest Fund Foundation.
Il-maratona ‘Għinuna Ngħinukom’ se tkun mifruxa fuq 12-il siegħa minn nofsinhar sa nofsillejl u se tintwera fuq l-istazzjonijiet ewlenin ta’ pajjiżna, fosthom Net Television.

