Għaqda b’lealtà. Żewġ kelmiet li għandhom jimxu id fid. Għaqda li trid tinbena fuq id-djalogu. B’hekk biss il-Partit Nazzjonalista jista’ jkun Gvern alternattiv u Oppożizzjoni b’saħħitha.
Sostna dan il-Kap tal-Patit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista li saritlu s-Sibt fuq Net FM.
Adrian Delia insista li “Ghaqda b’Lealta” tfisser li kulħadd għandu jaħdem b’lealtà sħiħa lejn il-Kap tal-Partit. Min mhux lest li jagħmel dan, ma jkunx opportun li jibqa’ parti mill-Grupp Parlamentari, qal Adrian Delia.
Dwar ir-rapport tad-due diligence, il-Kap tal-PN sostna li huwa kien minn tal-ewwel li ried li dan ir-raport jiġi ppubblikat fl-intier tiegħu. Ried li fit-tibdil tal-istatut jiddahhal process iktar rigoruz, fejn kien hu stess li preżenta mozzjoni fl-ammistrattiv biex dan ir-Rapport jiġi ppubblikat shih.
Dwar il-pandemija tal-coronavirus, il-Kap tal-PN saħaq li kien jagħmel kollox differenti minn Robert Abela għax Abela m’għamel xejn. Abela ta x’jifhem li erbaħna l-virus u li l-mewġ qiegħed fil-baħar. Huwa qal li f’din is-sitwazzjoni kien ikun iktar għaqli kieku d-deċiżjonijiet ħaduhom kolha l-esperti tas-saħħa.
Adrian Delia tkellem ukoll dwar l-iskejjel fejn saħaq li hemm nuqqas kbir ta’ informazzjoni dwar x’se jiġri. Hemm ukoll it-tħassib tal-ġenituri li m’għandhom ebda serħan il-moħħ dwar is-sigurtà ta’ uliedhom. Il-Gvern ta’ Robert Abela mhu qed jagħti ebda garanzija … u m’għandu ebda alternattiva.
Dwar l-immigrazzjoni l-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-obbligi kollha ta’ pajjiżna jridu jiġu dejjem osservati però qed naraw l-instabbiltà u l-inefiċjenza tal-Gvern. Huwa important li dawk li jiġu salvati u li m’għandhomx dritt għall-ażil, jintbagħtu lura.
Hekk kif fi ftit tal-ġimgħat oħra mistenni jitħabbar il-Budget għas-sena d-dieħla, Adian Delia qal li l-Oppożizzjoni qed tiffinalizza l-Pre-Budget Document.
Huwa qal li l-ikbar għadu tan-negozju hija l-inċertezza…u l-instabbiltà tal-Gvern li mhux joħloq ix-xogħol li pajjiżna għandu bżonn.
Adrian Delia temm billi stqarr li rridu nkunu kburin li ngħixu f’pajjiż fejn iż-żgħażagħ tagħna jkollhom futur.
//= $special ?>