Lokali

Uffiċjal tas-sigurtà jingħata l-ħelsien mill-arrest fuq allegat każ ta’ attentat ta’ qtil

Uffiċjal tas-Sigurtà ta’ 30 sena, resident i San Pawl il-Baħar ingħata l-libertà proviżorja wara li tressaq il-Qorti mixli bl-atentat ta’ qtil ta’ immigrant. Darren Bonello li jaħdem ma’ kumpanija privata ngħata l-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet u dan  fuq depożitu ta’ €3,000 u garanzija personali ta’ €10,000.

Huwa wieġeb mhux ħati li fit-18 ta’ Settembru li għadda, bejn is-1.30am u s-2.30am. fl-inħawi taċ-Ċentru tad-Detenzjoni ta’ Ħal Safi spara tir ta’ arma tan-nar u kkaġuna ġrieħi ħfief fuq immigrant residenti fl-istess ċentru, meta dan tal-aħħar ipprova jaħrab.

Bonello tressaq il-Qorti s-Sibt wara nofs inhar quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit fejn ġie mixli wkoll li bħala persuna li għandu liċenzja biex iżomm arma tan-nar naqas li jżommha fil-kustodja tiegħu b’mod li ma tkunx tista’ tiġi f’idejn ħaddieħor.

Ġie mixli wkoll u li ġarr arma tan-nar mingħajr liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija u li ħadem bħala gwardjan privat mingħajr liċenzja. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Janetta Grixti filwaqt li għalih deheru l-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia.