Edukazzjoni Lokali

“L-edukaturi jixirqilhom skejjel ippreparati fil-ħin u mhux kliem fieragħ mill-Ministru”

“Il-kliem tal-Ministru tal-Edukazzjoni la solva n-nuqqas tiegħu fil-preparazzjoni biex jiftħu l-iskejjel u wisq anqas żied ir-rispett li jixirqilhom l-għalliema. Diskorsu għamel biss ħsara lill-professjoni. Il-bidu tard ħafna tal-preparamenti mill-Ministeru u r-rata tal-imxija tal-Pandemija ma joffrux serħan il-moħħ kif mhux joffri serħan il-moħħ il-kliem fieragħ, il-videos ta’ propoganda u l-bżieżaq fl-arja tal-Ministru.”

Kien dan kliem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni, Clyde Puli fi stqarrija filwaqt li żied jgħid li dan kollu wara li l-Ministru tal-Edukazzjoni pprova jimminimizza l-paniku li qed jaħkem fl-iskejjel hekk kif ma kull ġurnata qed ikollhom aktar mistoqsijiet milli tweġibiet.

Puli kompla jgħid li l-Ministru mhux biss kien insolenti fil-konfront tal-għalliema iżda huwa kompletament maqtugħ mir-realta’ tal-klassi. Hu spiċċa jgħid li n-nuqqas ta’ preparazzjoni tal-Ministru u l-ottimiżmu falz tiegħu jistgħu jkun ta’ periklu għall-edukaturi u għall-istudenti.