Coronavirus Internazzjonali

L-Ewropa tesperjenza numru kbir ta’ każijiet ġodda

It-tieni mewġa tal-Coronavirus qed toħloq biża’ ikbar madwar id-dinja kollha hekk kif għadd ta’ pajjiżi raw żieda sostanzjali fil-każijiet fl-aħħar xahrejn meta mqabbel mal-ewwel mewġa.

Pajjiżi fl-Ewropa qed ikompli jhabbru restrizzjonijiet ġodda, bl-awtoritajiet fl-Italja jitolbu għal aktar attenzjoni hekk kif l-età medja tal-pazjenti qed tiżdied b’sogru kbir għall-anzjani, u pressjoni akbar fuq l-isptarijiet.

Spanja għandha l-għola numru ta’ każijiet ġodda fl-Ewropa, bil-belt kapitali Madrid se timponi lockdown parzjali minn nhar it-Tnejn. Spanja, sa issa, għadu wieħed mill-pajjiżi li minnu qed jaslu titjiriet f’Malta… inkluż minn Madrid.

L-awtoritajiet Spanjoli tant qed jiehdu b’serjetà din is-sitwazzjoni li issa qed jimponu li ma tistax tkun fi gruppi kbar fl-istess post. Fil-kapitali Spanjola, ir-rata ta’ trasmissjoni hi kwazi id-doppju ta’ kemm hi r-rata fuq livell nazzjonali.

Franza wkoll qed tara għadd ta’ restrizzjonijiet ġodda, fosthom li ma jistax ikun hemm gruppi ta’ aktar minn 10 persuni f’postijiet pubbliċi filwaqt li l-bars tnaqqsulhom il-ħinijiet tal-ftuħ. Dan hekk kif il-pajjiż irreġistra l-ikbar ammont ta’ każijiet ġodda mill-bidu tal-pandemija s’issa.

Minn naħa l-oħra, fil-Greċja żiedu it-testijiet li qed isiru, dawk li jkunu fil-lukandi għandhom jagħmlu perjodu ta’ kwarantina u ma jistax ikun hemm gruppi akbar minn disa’ persuni f’postijiet pubbliċi.

Intant… iċ-ċelebrazzjonijiet tal-ewwel tas-sena f’Londra diġa’ tħassru kompletament hekk kif il-pajjiż, l-istess bħall-pajjiżi oħra, qed jara żieda qawwi fil-każijiet. Is-Sindku ta’ Londra qal li ma jistax ikun li l-belt kapitali tal-Ingilterra tara folla kbira ta’ nies f’post wieħed.

Bħalissa, iktar minn 180 kumpanija qed universita’ qed jaħdmu fuq vaċċin għal kontra l-Coronavirus, bid-WHO qed tikkonsidra biss disgħa li waslu fit-tielet fażi.