Manchester United kienu maħsuda minn Crystal Palace meta f’Old Trafford tilfu 3-1. Din kienet l-ewwel partita ta’ Manchester United fil-Premier League dan l-istaġun wara l-impenji tagħhom fl-Europa League.
It-tim ta’ Ole Gunnar Solskjaer beda ħażin mill-bidu meta minn cross fil-baxx ta’ Jeffrey Schlupp kien ANDROS TOWNSEND li tefa’ lill-Palace fil-vantaġġ. Fit-tieni taqsima, Crystal Palace ngħataw penalty dubjuż wara li Lindelof deher imiss il-ballun b’idu, minn ħdax –il metru Jordan Ayew ra lil De Gea isalva, bir-referee wara konsultazzjoni mal-VAR jordna biex il-penalty jerġa’ jingħata minħabba li De Gea deher joħroġ minn fuq il-linja qabel ma’ Ayew għamel kuntatt mal-ballun.
ZAHA nkariga ruħu mit-tieni tentattiv u ma żbaljax. Manchester United naqsu d-distakk b’gowl mill-akkwist il-ġdid DONNY VAN DE BEEK, iżda Crystal Palace reġgħu fetħu vantaġġ doppju meta minn kontrattakk tajjeb kien għal darb’oħra Wilfred Zaha li kkonkluda fil-baxx wara De Ge biex ta t-tieni rebħa konsekuttiva lit-tim ta’ Roy Hodgson.
F’Goodison Park, Everton kisbu t-tieni rebħa minn daqs tant partiti, meta għelbu lil West Browmwich Albion 5-2. West Brom fetħu tajjeb u marru fil-vantaġġ wara biss għaxar minuti b’xutt mill-isbaħ li ma ta l-ebda ċnas lil Pickford miż-żagħżugħ GRADY DIANGANA. West Brom setgħu rduppjaw fit-22 minuta meta wara cross ta’ Furlong sab lil Diangana li ħalla lejn Livermore li ra x-xutt b’saħħtu tiegħu jistampa mal-lasta.
It-tim ta’ Carlo Ancelotti ġab id-draw fit-33 minuta meta minn corss ta’ Coleman l-ballun spiċċa f’saqajn DOMINIC CALVERT-LEWIN li bit-takkuna xeħet wara Johnstone. Everton daħlu jistrieħu fil-vantaġġ meta fl-45 minuta b’konklużjoni fil-baxx JAMES RODRIGUEZ għamilhom 2-1 biex b’hekk skorja l-ewwel gowl tiegħu fil-Premier League wara li ffirma ma’ Everton mingħand Real Madrid. Fil-ħin addizzjonali tal-ewwel taqsima, West Brom spiċċaw jilgħabu bi plejer inqas meta Kieran Gibbs intwera l-karta l-ħamra talli rritalja fil-konfront ta’ Rodriguez.
West Brom ma ħallewx din it-tkeċċija taffettwahom u fl-47 minuta ġabu d-draw permezz ta’ freekick mill-isbaħ ta’ MATTHEUS PEREIRA. Everton approfittaw mit-tkeċċija ta’ Gibbs u fil-54 minuta reġgħu marru fil-vantaġġ permezz ta’ konkliżjoni mill-viċin tad-difensur MICHAEL KEANE.
DOMINIC CALVERT-LEWIN skorja t-tieni gowl personali u r-raba’ wieħed għal Everton fit-62 minuta meta wara sensiela ta’ passaġġi tajbin, hu kkonkluda mill-viċin minn cross ta’ Richarlison. CALVERT-LEWIN skorja t-tielet gowl tiegħu u ssiġilla rebħa għal Everton fis-66 minuta meta minn cross ta’ Rodriguez kkonkluda bir-ras għal 5-2.
F’partita li fiha kien hemm seba’ gowls, f’Elland Road, Leeds United għelbu lil Fulham 4-3 f’partita bejn żewġ timijiet li għadhom kemm ġew promossi għall-Kampjonat Premier. Leeds ħarġu aggressivi u wara ħames minuti fetħu l-iskor permezz ta’ HELDER COSTA wara li kkonkluda minn corner ta’ Kevin Philips. Għal darb’oħra, Leeds perikolużi meta minn freekick ta’ Philips d-daqqa ta’ ras ta’ Koch kienet salvata b’mod tajjeb minn Areola. Fulham ġabu d-draw fl-34 minuta meta għat-tieni logħba konsekuttiva, Koch għamel penalty fuq Bryan. Minn ħdax –il metru ALEKSANDAR R MITORVIC ma żbaljax. Ħames minuti biss wara Leeds ingħataw penalty ukoll wara li Bryan deher jimbutta lil Bamford.
METEUSZ KLICH kkonkluda b’mod ċentrali biex ma ta l-ebda ċans lil Areola. Fit-tieni taqsima it-tim ta’ Marcelo Bielsa għamilhom 3-1 fil-50 minuta b’konklużjoni mill-isbaħ ta’ PATRICK BAMFORD. Leeds aċċertaw mir-rebħa fil-57 minuta meta għal darb’oħra kien HELDER COSTA meta wara li rċieva mingħand Bamford kkonkluda fis-saqaf tax-xibka. Fulham naqsu d-distakk fit-62 minuta permezz tas-sostitut BOBBY REID wara li rċieva mingħand Anguissa. It-tim ta’ Scott Parker daħal fil-partita fis-67 minuta meta wara azzjoni mill-isbaħ ALEKSANDAR MITROVIC għamilhom 4-3. Leeds baqgħu jiddefendu r-riżultat sat-tmiem biex kisbu l-ewwel tliet punti tagħhom fil-Premier League wara nuqqas ta’ 16 –il sena.
//= $special ?>