Ningħaqdu, niġġeddu u nirnexxu. Il-PN jista’ jkun tim rebbieħ biss jekk naħdmu flimkien… inkomplu niġġeddu flimkien. B’hekk biss nistgħu nkunu Oppożizzjoni serja u Gvern alternattiv.
Dan kien il-messaġġ li wassal il-kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap tal-PN, l-Avukat Bernard Grech f’intervista li saritlu fuq Net FM mill-ġurnalist Liam Carter.
L-Avukat Bernard Grech qal li jekk ikun elett Kap tal-PN, se juża’ l-ideat ta’ kulħadd. Fid-dawl ta dan, saħaq li m’għandu ebda problema biex jaħdem ma’ Adrian Delia biex titkompla l-kawża kontra l-vitals… għax din hija korruzzjoni kbira ta’ dan il-Gvem fejn il-poplu Malti qed jinsteraq il-miljuni ta’ kuljum. Eżempju ċar ta’ kif Malta spiċċat maħkuma minn Gvern li ħataf l-istituzzjonijet tal-pajjiż.
Dwar id-dikjarazzjoni tal-ħlas tat-taxxa Bernard Grech qal li bħala persuna privata u bħala politiku seta’ għamel aħjar u għalhekk talab apoloġija ghal dan kollu. Fl-istess intervista huwa ppreżenta l-compliance certificate li ħareġ id-Dipartiment tat-Taxxa li juri li m’għandu ebda ħlasijiet pendenti ma’ dan id-Dipartiment.
L-Avukat Grech qal li hu se jkompli jaħdem biex is-sitwazzjoni finanzjarja tal-Partit Nazzjonalista tkompli tiġu lura fuq saqajha.
Dwar il-pandemija tal-COVID-19, Bernard Grech qal li jifhem li din hi sitwazzjoni li ħadd ma kien preparat għaliha, imma kif dejjem ġara l-poplu Malti qam għall-okkażjoni u għamel sagrifċċji kbar. Iżda f’din is-sitwazzjoni kollha, għandna Prim Ministru li naqas milli jgħidilna l-verità kollha.. naqas milli jgħidilna li l-pandemija m’għaddietx… għażel li jgħidilna li l-mewġ kien biss fil-baħar. F’din is-sitwazzjoni huwa importanti li jinħoloq bilanċ u l-poplu jkun mgħarraf b’kollox.
Dwar il-ftuħ tal-iskejjel, Bernard Grech qal li għandna sitwazzjoni fejn l-iskejjel jidher li se jinfetħu b’mod mgħaġġel, bl-għalliema qed jingħataw l-informazzjoni tard wisq.
F’dawn l-aħħar seba’ snin kellna żewġ Prim Ministri li ma kellhomx pjan ċar dwar l-immigrazzjoni. Il-Kandidat Bernard Grech saħaq li f’dan kollu, il-prijorita għandha tingħata lis-saħħa u s-sigurtà tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Huwa qal li s-surveys qed juru li għandu appoġġ kbir, u għalhekk jekk jingħata l-fiduċja tat-tesserati, se jara li bis-saħħa u r-rieda ta’ kulħadd, il-PN ikun Oppożizzjoni b’saħħitha u Gvern alternattiv.
//= $special ?>