Coronavirus Internazzjonali Kurżitajiet

120 passiġġier fuq titjira “għal imkien”

120 persuna is-Sibt figħodu telgħu abbord ajrupjan tat-Tigerair Taiwan li ħadhom dawra ta’ 1,300 mil f’titjira “għal imkien”.

Il-linja tal-ajru Tajwaniża hija waħda minn eluf ta’ linji tal-ajru li qed jagħmlu telf kbir minħabba l-pandemija li laqtet id-dinja kollha u r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar.

Kien għalhekk li ħarġet bl-idea li tagħmel titjira fiż-żona tal-ajru Tajwaniża biex dawk kollha li kellhom xewqa kbira li għal darboħra jitilgħu fuq ajruplan, ikunu jistgħu jagħmlu propju dan.

L-ajruplan ittajjar lejn it-tramuntana ta’ Tajwan biex dawk abbord setgħu jitpaxxew bil-veduti tal-gżira ta’ Jeju qrib il-Korea t’Isfel qabel ma dar lura għal minn fejn kien telaq.

It-titjira kellha l-għan li twennes ftit lil dawk li kienu qed iħossu ħafna n-nuqqas tal-ivvjaġġar, b’uħud minn dawk abbord jagħżlu li jilbsu lbies tradizzjonali Korean għal din l-okkażjoni speċjali.

Qabel it-titjira ittieħdu l-miżuri kollha ta’ prekawzjoni li qed isiru meta wieħed jivvjaġġa.

Jidher li linji tal-ajru oħra wkoll qed jikkunsidraw vjaġġi ta’ sightseeing biex ikunu jistgħu itaffu ftit mill-ispejjeż u biex il-bdoti jkunu jistgħu iżommu l-liċenzja tagħhom.