Lokali

“Ejja flimkien naraw x’Malta indipendenti rridu għal għada” – Adrian Delia

F’dawn il-jiem qed nfakkru t-twelid ta’ Nazzjon – infakkru u nirringrazzjaw il-ħidma ta’ Ġorġ Borg Olivier u l-politiċi ta’ madwaru, li emmnu li f’pajjiżna kapaċi nmexxu aħna u emmnu li stajna nieħdu rajna f’idejna mill-Imperu Britanniku minkejja ċ-ċokon tagħna.

Kliem il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fl-okkażżjoni tas-56 anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza, fejn iddeskriva t-twelid ta’ pajjiżna fl-1964 bħala pass li ħares lejn il-futur u l-ġid komuni tal-Maltin u l-Għawdxin.

 “Kienet deċiżjoni li tħares lejn il-futur b’ottimiżmu, b’intelliġenza imma fuq kollox bi twemmin li aħna kapaci li nimxu ‘l quddiem flimkien bis-sagrifiċċji, b’dak kollu li jinqala fit-tajjeb u l-ħazin..imma aħna, l-Maltin u l-Għawdxin.”

Adrian Delia kompla li ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Indipendenza llum huma pjuttost differenti minħabba l-fatt li pajjiżna qed iħabbat wiċċu ma’ pandemija. Iżda mhux biss għax qed ngħixu f’ċirkostanzi li ma nistgħux ninjoraw … li r-reputazzjoni ta’ pajjiżna ttapnet u ġġarfet grazzi għall-Gvern Laburista u l-ħidma kollha li għamlu Gvernijiet Nazzjonalisti issa spiċċat fix-xejn.

Hu qal li f’dawn iż-żminijiet, Malta Indipendenti fl-Unjoni Ewropea qed tħabbat wiċċha ma’ sfidi ġodda, li nistgħu negħlbu b’dak li kapaċi niggwadanjaw mill-Ewropa stess, kemm bis-saħħa ta’ suq akbar, kif ukoll f’għajnuna li tingħata f’mumenti diffiċli bħal dawn tal-pandemija.

Adrian Delia kompla li l-Indipendenza tatna s-saħħa li jkollna sptarijiet tagħna, iżda dawn fl-aħħar snin ingħataw lil barranin mhux għax kienu parti minn imperu, iżda għax Maltin bħalna dehrilhom li kellhom jabbużaw minn flus il-poplu.

Temm jgħid li l-Indipendenza fil-futur għandna niċċelebrawha billi ma nibqgħux dipendenti fuq il-fossil fuels jew fuq in-nepotiżmu jew fuq l-importazzjoni ta’ dawk li qed jaħarbu minn pajjiżhom biex insaħħu l-ekonomija … iżda niċċelebrawha billi nsaħħu liż-żgħażagħ u lill-istituzzjonijiet tagħna għal Malta u Għawdex aħjar.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech, li wkoll faħħar il-ħidma sfieqa ta’ Ġorġ Borg Olivier, fejn fakkar fl-islogan ta’ dak iż-żmien “Fdajnih b’kolonja … għamilna Nazzjon”.

Fl-okkażjoni tal-140 sena mit-twaqqif tal-Partit Nazzjonalista, hu qal li l-Partit hu kburi li dejjem kien fuq in-naħa t-tajba tal-istorja, b’ħidma favur il-poplu u l-valuri, fejn tul is-snin dejjem ħares l-identità tal-poplu. Ħidma li grazzi għaliha, dan li pajjiżna kiseb is-sovranità u l-indipendenza tiegħu.

Francis Zammit Dimech sostna li l-poplu ma jistax ma jdurx lejn il-Partit li sa mill-oriġini tiegħu serva ta tarka għas-soċjetà.

Hu qal li bil-kisba ta’ 56 sena ilu, l-ekonomija nbniet fuq sisien sodi, bħas-setturi tat-turiżmu, dak marittimu u finanzjarju – bit-tisħiħ tal-infrastruttura fit-telekomunikazzjoni u proġetti bħall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Iżda llum, ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna tinsab imtappna minħabba numru ta’ skandli li feġġew taħt Gvern Laburista.