Il-pulizija għal kontra l-irvellijiet li jinsabu stazzjonati fid-diversi nħawi ta’ Minsk arrestaw lil Nina Baginskaya, attivista veterana, u diversi nisa oħra f’ħim meta d-dimostranti tal-Oppożizzjoni kienu qed jimmarċjaw mill-kapitali fost l-għajjat kontinwu għat-tmiem tat-tmexxija tal-President tal-Belarus, Alexander Lukashenko.
Madwar żewġt elef nisa ħadu sehem fil-marċ li fih spikkaw il-bnadar bl-ilwien nazzjonali ( abjad u aħmar) li jissimbolizzaw il-moviment ta’ protesta kontra t-Tmexxija attwali tal-Belarus.
Dan fost numru ta’ konfronti mal-qawwiet tal-liġi, bin-nisa jgħajjtu li ‘mhumiex se jinsew u lanqas mhuma se jaħfru l-abbużi (ta’ Lukashenko)’
Intant, il-gruppi tal-pulizija għal kontra l-irvellijiet intervjenew u waqqfu lin-nisa milli jilħqu z-zona ta’ Minsk fejn hemm l-uffiċini tal-Gvern. Dan waqt li seħħew l-arresti ta’ mijiet ta’ attivisti fejn spikkaw ix-xeni tal-pulizija qegħdin ikaxkru lin-nisa lejn numru ta’ vannijiet li kienu skjerati fl-inħawi.
Fl-aħħar sigħat, numru ta’ hackers żvelaw id-data personali ta’ madwar 1,000 membru tal-Pulizija tal-Belarus b’ritaljazzjoni ‘għall-oppressjoni tad-dimostranti f’Minsk’. Dan meta issa, f’Minsk, bdew sensiela ġdida ta’ dimostrazzjonijiet kontra l-Gvern ta’ Lukashenko.
Kelliema għall-hackers li huma qrib l-Oppożizzjoni, qalu li għandhom ikomplu jippubblikaw id-data dwar il-pulizija ‘u il-makkinarju ripressiv tar-reġim tal-Belarus’, aktar ma jkomplu l-arresti f’Minsk u bliet oħra tal-pajjiż.
Il-messaġġ tal-hackers hu li ‘l-ebda wieħed mill-pulizija li qed jippersegwita lid-dimostranti mhu se jibqa’ anonimu ‘anki jekk ikun liebes il-balaclava’.
Sadanittant, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin f’Minsk qal li l-Gvern tal-Belarus għandu jidentifika u jieħu miżuri adatti kontra kulmin hu responsabbli mil-leaks tad-data inkwistjoni.
//= $special ?>