Dokumenti sigrieti mill-Gvern Amerikan li kienu żvelati wrew li numru ta’ banek globali kellhom rwol prinċipali fi tranżazzjoni ta’ madwar $2 triljuni, fejn allegatament taw kunsens lill-kriminali imexxu miljuni kbar ta’ flus iġġenerati minn attivitajiet illegali.
L-hekk msejħa FinCEN files huma magħmula minn madwar 2, 500 dokument u li jqajmu tħassib serju dwar il-klijenti li hemm implikati magħhom – fosthom l-aktar klijenti sigrieti tal-banek involuti.
Dawn id-dokumenti ġew żvelati mis-sit onlajn Buzzfeed News u ppubblikati mill-ICIJ, grupp ta’ ġurnalisti investigattivi magħmula minn madwar 108 organizzazzjoni tal-aħbarijiet minn 88 pajjiż, fosthom Malta.
L-imsemmija dokumenti jduru ma’ 5 banek globali li huma; JPMorgan, Standard Chartered Bank, Deutsche Bank, HSBC u Bank of New York Mellon, li qed jiġi allegat li baqgħu jagħmlu profitt minn klijenti perikolużi minkejja li l-awtoritajiet Amerikani saħansitra mmultaw lil dawn l-istituzzjonijiet finanzjarji minħabba l-fatt li fallew milli jwaqqfu t-tixrid ta’ dan l-allegat ħasil ta’ flus.
Dan huwa l-aħħar żvelar ta’ dokumenti fl-aħħar snin fejn fost oħrajn fl-2017 konna xhieda tal-Paradise Papers kif ukoll tal-Panama Papers, fejn isemmgħu b’mod predominanti l-eks Ministru Laburista Konrad Mizzi u l-eks Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri.
Madanakollu, l-FinCen huwa differenti minħabba l-fatt li mhux sempliċiment żvelar ta’ dokumenti minn kumpaniji partikolari, iżda minn numru ta’ banek mondjali, u l-klijenti suspettużi tagħhom li ma sar xejn dwarhom.
FinCEN spjegat li dan kollu jaf jimplika saħansitra lis-sigurtà nazzjonali tal-Istati Uniti u thedded b’serjetà lill-istituzzjonijiet u l-individwi li qed tirraporta dwarhom.
Ta’ min wieħed jinnota li l-FinCEN Files, id-dokumenti li effettivament ġew ippublikati huma nqas minn 0.02% mit-12-il miljun rapport suspettuż li rċevew bejn l-2011 u l-2017.
