Il-maġġoranza tan-nies jemmnu li t-tfal m’għandhomx jintbagħtu l-iskola fl-isfond tan-numri dejjem jikbru ta’ każi u mwiet ta’ Covid-19.
Minn stħarriġ ikkummissjonat mill-gazzetta The Sunday Times of Malta, 47 fil-mija huma tal-fehma li t-tfal m’għandhomx jintbagħtu l-iskola bis-sitwazzjoni tal-pandemija kif inhi. 36 fil-mija jemmnu li t-tfal għandhom jintbagħtu l-iskola xorta waħda filwaqt li 17 fil-mija ma jafux.
Sa din il-ġimgha stess, il-Ministru Owen Bonnici baqa’ jinsisti li l-iskejjel għandhom jifthu b’mod fiżiku.
Intant, mill-istharriġ tat-Times jidher illi f’Għawdex hemm 67% – iktar minn żewġ terzi – li huma kontra l-ftuħ tal-iskejjel, filwaqt li fir-reġjun tan-nofsinhar 53 fil-mija kienu favur li l-iskejjel jiftħu.
Fir-reġjun tal-Punent, 60 fil-mija ma jaqblux li l-iskejjel jiftħu fit-28 ta’ Settembru. L-opinjoni pubblika fir-reġjuni tal-Port il-Kbir huma eqreb ta’ xulxin. Fit-Tramuntana tal-Port, 54 fil-mija huma kontra l-ftuħ tal-iskejjel u 31 fil-mija huma favur filwaqt li fir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Port, 44 fil-mija huma kontra filwaqt li 42 fil-mija huma favur.
Fl-isfond ta’ dan kollu, kollass fin-numru ta’ persuni li jaħsbu li l-Gvern qed jagħmel biċċa xogħol tajba.
Filwaqt li l-appoġġ għat-tmexxija ekonomika niżlet bi 11 fil-mija meta mqabbel ma’ Mejju, in-numru ta’ nies li jaħsbu li l-Gvern qed jagħmel biċċa xogħol tajba mil-lat mediku u tas-saħħa naqas bin-nofs: minn 83 fil-mija f’Mejju għal 42 fil-mija fl-istħarriġ ta’ din il-ġimgħa.
Dan it-tnaqqis ta’ fiduċja kien rifless fil-fatt li maġġoranza assoluta ta’ 54 fil-mija ta’ dawk intervistati jemmnu li għandha tintrefa’ xi forma ta’ responsabbilta’ politika dwar is-sitwazzjoni attwali. B’39 fil-mija jgħidu li m’hemmx għalfejn tintrefa responsabbilta’ politika.
Dwar jekk jieħdux il-vaċċin, 57 fil-mija wieġbu li lesti jieħdu l-vaċċin iżda mhux mal-ewwel – 29 fil-mija qalu li ma jieħdux il-vaċċin filwaqt li 14 fil-mija wieġbu li ma jafux x’se jagħmlu.
//= $special ?>