Lokali

Il-Ġimgħa li ġej tibda l-votazzjoni bikrija fl-għażla ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista

Hekk kif fadal ftit jiem għall-ftuħ tal-votazzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista, il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit ħabbret il-ġranet u l-ħinijiet li matulhom it-Tesserati eliġibbli se jkunu jistgħu jivvutaw.

Fil-fatt, il-madwar 23,000 Tesserat eliġibbli se jkunu jistgħu jibdew jivvutaw il-Ġimgħa li ġej, 25 tax-xahar, bejn is-6pm u d-9pm fil-bidu tal-votazzjoni bikrija. Din il-votazzjoni tkompli l-għada s-Sibt bejn id-9am u s-6pm, il-Ħamis 1 ta’ Ottubru u l-għada l-Ġimgħa bejn is-6pm u d-9pm.

Is-Sibt 3 ta’ Ottubru il-votazzjoni se tinżamm bejn it-8am u s-2pm f’Għawdex, filwaqt li f’Malta l-votazzjoni se ssir bejn it-8am u l-4pm. F’kull każ minn dawn il-jiem, kull Tesserat eliġibbli se jivvota f’wieħed minn 18-il post madwar Malta u f’Għawdex … l-uffiċċji tal-AZAD fil-Belt u d-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà, kif uoll fil-Każini tal-Partit Nazzjonalista fl-Isla, fiż-Żejtun, f’Ħal Tarxien, fiż-Żurrieq, f’Ħaż-Żebbuġ, f’Ħal Luqa, fir-Rabat, f’Ħal Balzan, f’Birkirkara, fl-Imsida, fis-Swieqi, f’Ta’ Xbiex, f’Tas-Sliema, fin-Naxxar, fil-Mellieħa u f’Ta’ Sannat f’Għawdex.

Id-dettalji kollha se jkunu spjegati f’ittra li dawk eliġibbli se jirċievu f’dawn il-jiem, li minnha nfisha sservi wkoll bħala d-Dokument tal-Vot li wieħed irid jieħu miegħu – flimkien ma’ Dokument ta’ Identifikazzjoni – biex ikun jista’ jivvota.

Sadanittant, l-Erbgħa 30 ta’ Settembru se tinżamm votazzjoni speċjali gal dawk li għandhom problemi ta’ mobbiltà jew jeħtieġu l-assistenza biex jivvutaw. Din se ssir bejn is-2pm u t-8pm fid-Dar Ċentrali.

Kelliem għall-Kummissjoni Elettorali spjega ma’ NET News li ntagħżlu diversi ġranet għall-votazzjoni biex ikunu rispettati r-restrizzjonijiet marbuta mal-Coronavirus. Fil-fatt, il-Kummissjoni rat li f’kull post tal-votazzjoni jkunu osservati r-regolamenti tad-distanza soċjali u anke dawk ta’ iġjene.

Il-kelliem tal-Kummissjoni spjega wkoll li f’Jum il-Votazzjoni – fit-3 ta’ Ottubru – l-intenzjoni hi li l-elezzjoni tispiċċa kmieni matul il-jum biex ma jdumx ma jibda l-proċess ta’ rikonċiljazzjoni, is-sorting u l-għadd tal-voti.