Lokali

Il-Gvern qed ipoġġi l-interessi tal-familja Zammit Tabona qabel dawk tal-poplu – il-Moviment Graffitti

Il-kwistjonijiet kollha li b’xi mod hi involuta fihom il-familja Zammit Tabona għandhom jiġu investigati u skrutinizzati bir-reqqa biex il-pubbliku jkun jaf għaliex qed jittieħdu ċerti deċiżjonijiet. Hu kompletament inaċċettabbli li l-poplu jibqa’ jintrifes taħt is-saħħa finanzjarja u politika ta’ din il-familja.

Hekk iddikjara l-Moviment Graffitti fi stqarrija, li fiha staqsa jekk id-donazzjonijiet elettorali tal-familja Zammit Tabona hux qed jiffaċilitaw l-interessi kummerċjali tagħhom. Fil-fatt, il-Moviment fakkar fid-donazzjonijiet, illum magħrufa pubblikament, li din il-familja tat lill-Partit Laburista fil-passat riċenti.

Għaldaqstant, kompla, hu naturali li jqumu suspetti qawwija bħal dawn. Dan aktar u aktar wara l-ftehim dwar il-moll privat fil-Balluta, il-proġett ta’ lido privat f’Tas-Sliema u l-proposta għal bini ta’ moll f’Kemmuna.

Il-Moviment Graffitti qal li issa li nbidlu t-termini tas-sejħa għal-offerti għal servizz ta’ hop-on hoff, li se jieħu post il-fast ferry oriġinarjament ippjanata għal Għawdex, qed ikomplu jqumu aktar mistoqsijiet dwar l-influwenza tal-familja Zammit Tabona. Dan hekk kif, il-Moviment qed itenni li l-Gvern qed jagħżel li jinjora l-bżonnijiet ta’ eluf ta’ Għawdxin.