Internazzjonali

Italja: Jivvutaw fir-referendum u l-elezzjonijiet reġjonali li jistgħu jibdlu kompletament ix-xenarju politiku

Il-PM Taljan Giuseppe Conte

Il-poplu Taljan qed jivvota f’referendum u elezzjonijiet reġjonali li kapaċi jdgħajjfu lill-Gvern preżenti, minbarra li jibdlu x-xenarju politiku b’mod radikali.

Intant, rebħa għall-kandidati taċ-ċentru-lemin f’din il-kampanja għandha tallarma bil-kbir lill-Unjoni Ewropea minħabba r-riperkussjonijiet ‘estremisti’ li kapaċi jirriżultaw għall-Italja u l-Ewropa.

Ir-referendum u l-elezzjonijiet reġjonali huma l-ewwel eżami għall-Gvern Taljan immexxi mill-Prim Ministru Giuseppe Conte mindu impona l-lockdown nazzjonali fis-sitwazzjoni tal-coronavirus li sewa l-ħajja ta’ madwar 36,000 fil-pajjiż.

Ir-referendum jitratta impenn biex in-numru ta’ deputati jonqos minn 630 għal 400 fil-kamra t’isfel tal-Parlament u minn 315-il deputat għal 200 fil-kamra ta’ fuq tal-assemblea. L-impenn għar-riforma fiż-żewġt ikmamar tal-Parlament kien l-idea tal-Moviment Cinque Stelle li jifforma parti mill-koalizzjoni taċ-ċentru-xellug li qed tmexxi lill-Italja, flimkien mal-Partit Demokratiku (PD).

Il-votazzjoni fir-reġjuni tal-Italja qed issir f’Campania, Liguria, Marche, Puglia, Toscana, Valle d’Aosta u Veneto.

L-aħħar indikazzjonijiet huma li l-koalizzjoni tal-lemin għandha tirbaħ f’Veneto u Liguria — filwaqt li tidher li għandha wkoll ċans tajjeb għal trijonf f’Marche u Puglia.

Iżda l-għajnejn kollha jinsabu fuq Toscana – fortizza tax-xellug tradizzjonali – minħabba l-possibbiltà ta’ rebħa għall-Partit tal-Lega (tal-lemin estrem) ta’ Matteo Salvini.

F’każ li l-moviment politiku tax-xellug imur ħażin f’dawn l-elezzjonijiet, l-Unjoni Ewropea għandha, bir-raġun, tinkwieta dwar jekk il-pjan tal-Italja għall-irkuprar ( bil-ħsieb li tieħu s-self u l-grants biex tgħin lill-ekonomija wara l-lockdown tal-coronavirus) għandux ikun ambizzjuż biżżejjed.

Dan meta wieħed anki jrid iqis it-telf tas-saħħa politika għall-koalizzjoni li qed tmexxi lill-pajjiż – bl-UE tinsab partikularment imħassba dwar il-futur inċert tal-Italja fiċ-ċirkustanzi.

Għalkemm mhux mistenni li l-Gvern Taljan jikkrolla — anki ‘fl-agħar xenarju’– il-vot kapaċi jwassal għal kriżi politika ġdida fl-Italja; bil-possibbiltà li Conte jispiċċa minn Prim Ministru u jitwaqqaf koalizzjoni ġdida jew (anki) Gvern għall-għaqda nazzjonali.

L-elezzjonijiet fl-Italja saru minkejja t-twissijiet dwar l-impatt tal-Covid-19 fid-diversi reġjuni tal-pajjiż. It-tobba sostnew li l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet irriflettiet ‘stat ta’ ġenn’ minħabba li fl-Italja qegħdin ifeġġu talanqas 1,500 każ ġdid kuljum tal-coronavirus.