Coronavirus Internazzjonali

Jiżdiedu r-restrizzjonijiet f’għadd ta’ pajjiżi Ewropej; multi ħorox għall-Ingliżi li jiksru l-kwarantina

Għadd ta’ pajjiżi Ewropej qed iżidu r-restrizzjonijiet marbuta mal-imxija tal-pandemija, hekk kif in-numru ta’ infezzjonijiet qed jerġa’ jiżdied.

Wara li l-awtoritajiet tal-kapitali Spanjola Madrid ħabbru lockdown ġdid, il-Greċja, d-Danimarka w Franza wkoll qed iħarrxu l-ġlieda kontra l-virus billi jimponu aktar restrizzjonijiet.

Intant fir-Renju Unit, se jkunu qed jeħlu multi ħorox dawk il-persuni li jiksru l-ordni tal-kwarantina, bil-massimu tal-piena se tkun dik ta’ 10,000 Lira Sterlina jew kwazi €11,000. Din il-multa jkun jista’ jeħilha wkoll kull min b’xi mod iġgħiel lil persuna oħra tikser din l-ordni, bħal per eżempju min iħaddem, jekk dan iġgħiel lill impjegat jikser il-kwarantina għax ikun qed jheddu li jitlef xogħlu jekk ma jirrappurtax għax- xogħol.

Differenti għal kollox l-istampa fl-Awstralja fejn qed ikunu rrappurtati l-inqas numru ta’infezzjonijiet f’dawn l-aħħar tliet xhur.

Il-Premier ta’ Victoria, Daniel Andrews qal li huwa ta qsim il-qalb dak li qed iseħħ fl-Ewropa wara s-sagrifiċċji kbar li kienu għamlu ħafna nies għal xhur sħaħ u saħaq li din kienet qed isservi ta’ twissija għall-Awstralja dwar il-perikli li wieħed joħroġ minn lockdown kmieni wisq.

Victoria għandha wieħed mill-aktar lockdowns stretti wara li kienet rat żieda qawwija fil-każi x-xahar li għadda.