“L-Indipendenza fetħitilna t-triq għal dak kollu li konna naspiraw għalih fil-mijiet ta’ snin ta’ qabel. Aħna bħala poplu dejjem riedna li nkunu rajna f’dejna u l-Partit Nazzjonalista twieled għal dan l-iskop.
“Illum, 56 sena wara l-kisba tal-Indipendenza, nistgħu ngħidu li bl-Indipendenza pajjiżna għamel suċċessi u kisbiet kbar, filwaqt li l-poplu Malti ħataf l-opportunitajiet pożittivi li ġew għalih.”
Joe Zahra, Eks Editur mal-ġurnali tal-Partit Nazzjonalista u li għex mill-qrib l-esperjenza tal-kisba tal-Indipendenza, f’intervista ma’ il-mument beda biex qal li jekk immorru lura anki għall-1885, insibu lil Fortunato Mizzi diġà jfittex identità għal pajjiżna. L-ewwel pass tiegħu kien li ried li t-8 ta’ Settembru jkun jum nazzjonali. Dan ma seħħx għaliex aħna konna kolonja Ingliża.
Iżda meta fl-1923 il-Partit Nazzjonalista kien fil-Gvern, id-data tat-8 ta’ Settembru kienet dikjarata bħala l-Jum Nazzjonali għal pajjiżna. Dan kien l-ewwel pass li kien juri l-identità tagħna bħala poplu.
Ġiet il-Gwerra l-Kbira u għaddiet u kellna l-elezzjonijiet li taw rebħa kbira lill-Partit Laburista. Iżda l-Partit Laburista nqasam f’żewġ partiti u għal ħames snin – bejn l-1950 u l-1955 – il-Partit Nazzjonalista ggverna f’koalizzjoni mal-Partit tal-Ħaddiema mmexxi minn Boffa.
Anki f’dak iż-żmien Ġorġ Borg Olivier ma baqax lura milli juri x’kienu l-interessi tal-Maltin u meta kien hemm l-inkurunazzjoni tar-Reġina, ried li aħna jkollna postna fost il-pajjiżi tal-Commonwealth… u rnexxielu.
Sussegwentement fl-1955 tela’ fil-Gvern il-Partit Laburista mmexxi mill-Perit Duminku Mintoff bl-għajta tal-Integration. Ifisser li ried jagħmel lil Malta parti mir-Renju Unit.
Ġorġ Borg Olivier u l-Partit Nazzjonalista opponew din it-talba bis-sħiħ u bis-saħħa kollha, iżda sabu ma’ wiċċhom lill-Pulizija u lill-partitarji Laburisti li kienu jħarbtulhom kull attività li kienu jagħmlu.
Konna wasalna wkoll biex ikun introdott il-kunċett tat-trusted person, jiġifieri li meta tmur tivvota tista’ ddaħħal lil xi ħadd miegħek.
Il-Partit Nazzjonalista kien oppona dawn il-miżuri kollha u kien sejjaħ bojkott għar-referendum. Minkejja li l-Partit Laburista kien rebaħ ir-referendum xorta waħda ma kellux maġġoranza ta’ voti.
L-Ingliżi osservaw dan kollu u fl-istess waqt kien beda jberraq ukoll għaliex l-Ingliżi kienu bdew jagħtu s-sensji minn mas-Servizz. Fl-istess ħin l-Ingliżi wkoll ma kenux żammew ma’ dak li kienu wiegħdu.
Fl-aħħar tal-1957, il-Parlament kien għadda Mozzjoni unanima li kienet tfakkar lill-Gvern Ingliż fir-responsabbiltà li kellu fil-ħaddiema Maltin li kienu jaħdmu miegħu. Din il-Mozzjoni, li kienet baqgħet magħrufa bħala l-Break With Britain Resolution, wasslet biex pajjiżna għadda f’idejn il-Gvern kolonjali minħabba li Duminku Mintoff irreżenja u d-Deputati tiegħu ffirmaw dikjarazzjoni li ma jagħmlux koalizzjoni ma’ ebda partit ieħor.
Għal Ġorġ Borg Olivier u l-Partit tiegħu din kienet rebħa doppja. Rebaħ għaliex bil-Mozzjoni approvata mill-Parlament kien iddefenda x-xogħol tal-ħaddiema Maltin. Rebaħ għaliex kien irnexxielu jdawwar lil Duminku Mintoff minn fuq l-għaqda mal-Ingilterra għall-Indipendenza.
Fit-tliet snin ta’ wara sal-1962 kienu snin ta’ taħwid kbir għal pajjiżna, fejn irrenja l-qgħad, l-immigrazzjoni bla limitu u l-livell tal-għajxien kien qiegħed jitbaxxa. Kien hemm ukoll manuvri biex titkisser is-saħħa tal-Partit Nazzjonalista u tal-Partit Laburista billi ħarġu minnhom żewġ partiti politiċi ġodda… il-Partit Demokratiku Nazzjonalista mill-Partit Nazzjonalist u l-Partit tal-Ħaddiema Nsara mill-Partit Laburista.
Kollox kien maħsub biex l-ebda partit ma jkollu l-maġġoranza fil-Parlament.
Waslet l-Elezzjoni Ġenerali tal-1962 u Ġorġ Borg Olivier kien irnexxielu jikkonsolida lill-Partit Nazzjonalista anki billi żamm lid-Deputati kollha li kellu fil-Parlament ta’ qabel. F’dik l-Elezzjoni bdew ħerġin ir-riżultati.
Niftakar qisu lbieraħ kien hemm ħin filgħaxija meta fl-ewwel jum tal-għadd tal-voti meta riedu jdaħħlu l-kaxxi kollha tal-voti fl-iStrong Room ħalli l-għadd ma jkomplix.
Għadni nara lil Ġorġ Borg Olivier jitla’ fuq il-crash barriers u jindirizza lill-Kummissarju Elettorali Ewlieni – Maurice Abela – u jinsisti miegħu li l-għadd tal-voti jissokta anki bi staff inqas.
Ħaġa oħra li niftakar dakinhar kien li meta bdew ħerġin ir-riżultati u kien hemm l-ewwel għadd tar-Raba’ Distrett, għaddejt il-voti, mort fuq Ġorġ Borg Olivier u għedtlu li mir-Rabat konna se ntellgħu tlieta.
Ir-Raba’ Distrett dakinhar kien jinkludi liż-Żejtun, liż-Żurrieq, Birżebbuġa u lill-irħula żgħar tal-madwar.
Ġorġ Borg Olivier, b’nofs daħka, qalli li jekk ma kontx qed noħlom, allura jekk intellgħu tlieta mir-Rabat, allura konna nirbħu l-Elezzjoni. Fil-fatt tellagħjna tliet Deputati… Alexander Cachia Zammit mal-Ewwel Għadd u warajh Carmelo Caruana u għall-ewwel darba fil-Parlament it-Tabib Alfred Bonnici.
Dik l-Elezzjoni tat lill-Partit Nazzjonalista 25 siġġu minn ħamsin. L-Ispeaker, skont ma kien provdut mill-Kostituzzjoni, sar minn barra.
F’Ottubru tal-istess sena, Coronato Attard li kien Membru Parlamentari mal-Partit Demokratiku Nazzjonalista qasam il-Kamra u ngħaqad mal-Grupp Nazzjonalista biex hekk il-Partit Nazzjonalista issa kellu l-maġġoranza assoluta.
Mill-għada tal-Elezzjoni Ġorġ Borg Olivier kien diġà beda jinnegozja mal-Ingliżi biex ikun hemm emendi għall-Kostituzzjoni Blood. Ried li l-Pulizija u ċ-Ċivil ikunu f’idejn il-Gvern Malti u mhux f’idejn il-Gvern Ingliż.
Sadattant la ried li jissejjaħ il-Parlament u anqas li jkun iffurmat il-Gvern. Aktar tard intlaħaq ftehim li jissejjaħ il-Parlament, fejn il-Pulizija u ċ-Ċivil jibdew jaqgħu f’idejn il-Gvern Malti.
Niftakar li wara din ir-rebħa, il-Partit Nazzjonalista kien għamel mass meeting fi Qui-si-Sana fl-istess post fejn fil-kampanja tal-Integration il-Pulizija kienu ngħaqdu mal-partitarji Laburisti biex jippruvaw iħarbtu dak il-mass meeting.
Darba fforma l-Gvern, Ġorġ Borg Olivier mar Londra biex jakkwista l-finanzi ħalli jgħaddi l-Baġit. L-Ingliżi kienu intransiġenti ħafna u kulma offrewlu kien kwart ta’ miljun Lira. Ġorġ Borg Olivier dakinhar kien qal li din iċ-ċifra anqas biss kienet biżżejjed biex klabb jixtri tim tal-futbol.
Dan wasslu biex fl-20 ta’ Awwissu tal-1962 Ġorġ Borg Olivier ħabbar li kien għamel talba formali għall-Indipendenza ta’ Malta fi ħdan il-Commonwealth. B’hekk Malta tkun tista’ ssawwar hi l-futur tagħha.
Minn hawn bdiet il-mixja lejn l-Indipendenza ta’ pajjiżna. Mixja li ma kenitx bla skossi għaliex fil-Parlament Malti kien hemm ħames partiti politiċi li kollha kienu jaħsbuha b’modi differenti.
Ġorġ Borg Olivier kien magħruf li ma jaqtax qalbu u kien magħruf ukoll li flok tgħajjih int, jgħajjik hu. Kien magħruf li aktar kien jieħu gost jaħdem bil-lejl milli bi nhar.
Sadattant bdiet ħidma biex ikun hemm Kostituzzjoni għal Malta Indipendenti. Din kienet formulata mill-Attorney General. Din kienet diskussa kemm-il darba kemm mal-istess Attorney General u anki mal-Kabinett tal-Ministri.
Fis-27 ta’ Ġunju ta-1963 il-Prim Ministru kien iltaqa’ mal-partiti politiċi u ddiskuta l-Abbozz tal-Kostituzzjoni tal-Indipendenza magħhom.
Fis-16 ta’ Lulju tal-istess sena kienet inawgurata f’Marlborough House f’Londra, il-konferenza dwar l-Indipendenza ta’ Malta li kienet preseduta mis-Segretarju tal-Istat għall-Kolonji, Duncan Sandys. Sintendi kienu rappreżentati l-partiti politiċi kollha li kellhom rappreżentanza fil-Parlament Malti. Din il-Konferenza ntemmet mingħajr eżitu pożittiv.
Ġorġ Borg Olivier ma qatax qalbu. Baqa’ ġej u sejjer Londra, sakemm fit-18 ta’ Marzu tal-1964 intlaħaq ftehim mal-Gvern Ingliż biex isir referendum dwar il-Kostituzzjoni ta’ Malta Indipendenti.
Hawnhekk joħroġ il-kuraġġ u d-determinazzjoni ta’ Ġorġ Borg Olivier għaliex dawk kienu żminijiet mill-aktar iebsa u diffiċli għall-poplu Malti u Għawdxin minħabba l-qgħad li kien hawn, l-immigrazzjoni, l-għoli tal-ħajja u anki minħabba li l-ekonomija ta’ pajjiżna kienet qiegħda tiċkien.
Niftakar li l-għada li Ġorġ Borg Olivier kien ġie minn Londra u staqsieni x’kien ġrali fil-jum ta’ qabel għaliex kont dhert imdejjaq. Jien staqsejtu għaliex konna se nagħmlu referndum u hu weġibni li jekk ikollna fiduċja fil-poplu, allura konna nirbħu.
S’intenti ma kienx bagħat għalija biex jgħidli dan biss. Qalli wkoll li ried l-għajnuna tagħna u ried li mill-għada l-gazzetta Il-Poplu li kienet toħroġ darba fil-ġimgħa, tibda toħroġ tliet darbiet fil-ġimgħa. Ried ukoll li f’din il-gazzetta jkun hemm ukoll l-aħbarijiet ta’ barra.
Dan kien ifisser ħafna aktar xogħol, iżda konna nieħdu gost naħdmu għaliex konna tim ta’ żgħażagħ li konna nemmnu fl-Indipendenza.
Bejn it-2 u l-4 ta’ Mejju tal-1964 kien sar ir-referendum li kien intrebaħ mill-Iva li qed jitlob il-Partit Nazzjonalista għall-Kostituzzjoni. Ftit tal-jiem wara, f’Jum Lapsi – il-Ħamis, 7 ta’ Mejju – il-Partit Nazzjonalista ċċelebra r-rebħa b’mass meeting kbir f’Ħaż-Żebbuġ.
Wara, Ġorġ Borg Olivier kien mar Londra fejn għamel aktar minn xahrejn sakemm ġab id-data tal-Indipendenza u magħha ftehim għal difiża reċiproka u ftehim finanzjarju. Sadattant id-data kienet iffissata għall-21 ta’ Settembru 1964.
Bdew tħejjijiet kbar ma’ Malta kollha biex din tkun l-isbaħ ġrajja qatt iċċelebrata fil-gżejjer Maltin. Kien hemm diversi attivitajiet importanti, iżda l-aktar importanti kien it-tlugħ tal-bandiera Maltija fl-Arena tal-Indipendenza, filwaqt li fl-istess ħin niżlet il-bandiera Ingliża.
L-għada kien hemm iċ-ċerimonja tal-għoti tad-dokumenti Kostituzzjonali mid-Duka ta’ Edinburgh lill-Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier fl-Arena tal-Indipendenza.
Ċerimonja oħra importanti kienet dik tal-ftuħ tal-ewwel Parlament Malti taħt il-Kostituzzjoni l-ġdida li kienet tiffigura lil Malta Indipendenti.
Mistoqsi dwar ċertu biża’ li kien qed jingħad kemm-il darba pajjiżna jikseb l-Indipendenza, Joe Zahra qal li mhux talli f’pajjiżna ma kibirx il-qgħad u l-immigrazzjoni, iżda ġara l-kuntrarju.
F’rapport li kien għamel il-Professur Stolper li kien intbagħat biex jgħin lil pajjiżna min-Nazzjonijiet Unit, dan kien qal li biex inżommu l-qgħad f’livell ta’ 10,000, riedu jsiefru 37,000 persuna f’temp ta’ ħames snin. Dan kien qiegħed jaħseb ukoll li l-ġid nazzjonali tal-pajjiż flok jiżdied jonqos.
Biss nixtieq infakkar li fil-21 ta’ Settembru 1964, meta kien qed ikellem lill-folol fl-Arena tal-Indipendenza, Ġorġ Borg Olivier kien stqarr li l-Indipendenza kienet tfisser li għandna naħdmu aktar iebes u b’rieda akbar għaliex irridu nagħtu prova lid-dinja li aħna verament tixirqilna l-Indipendenza li konna akkwistajna – li nistgħu naħdmu demokratikament u mmexxi lill-poplu tagħna fit-triq tal-liġi u l-ordni lejn prosperità ekonomika għalina u għal uliedna.
Dan ma kienx kliem vojt għaliex dak li għamilna tul is-56 sena li għaddew.
L-ekonomija ta’ pajjiżna bdiet tirpilja mill-ewwel. L-ewwelnett kellna żewġ setturi ġodda – it-turiżmu u l-manifattura. Dawn l-industriji kienu qed jassorbu lil dawk il-ħaddiema li kienu qed jitilfu l-post tax-xogħol tagħhom minn mas-Servizzi Ingliżi.
Barra minn hekk il-Gvern Malti kien iddeċieda li jżomm l-RMA u bidilha fl-ewwel Forzi Armati ta’ Malta. Saret ħidma kbira fuq l-infrastruttura billi nbniet power station ġdida b’għajnuna li ġew mill-Bank Dinji. Inbnew impjanti għad-desalinizzazzjoni tal-ilma baħar f’ilma ħelu u ssaħħet is-sistema tat-telekomunikazzjoni.
Il-progress tant kien kbir li f’rapport tal-Joint Steering Committee for Malta mmexxi minn Lord Robens, kien qal li l-problema ta’ Malta ma kenitx se tkun aktar kif se tagħmel biex issib ix-xogħol għall-ħaddiema li kienu qed jitilfu x-xogħol minn mas-Servizzi Ingliżi, iżda kienet se tkun waħda li rridu nsibu l-ħaddiema biex jaħdmu fid-diversi proġetti li kienu qed jitwaqqfu.
56 sena ta’ Indipendenza ma kenux kollha ward u żahar. Sew fejn tidħol l-ekonomija u anki fejn tidħol is-saltna tad-dritt. Biss li sar progress ma jinnegah ħadd.
Insemmi biss dawn iċ-ċifri. Il-popolazzjoni fl-1964 kienet ta’ 320,000. Illum hi ta’ 515,000.
Dak iż-żmien kienu jsiefru 10,000 għal skop ta’ xogħol. Illum għandna mal-100,000 barrani jaħdmu f’’pajjiżna.
In-numru ta’ turisti li ġew fl-1964 kien ta’ 37,573. Is-sena l-oħra t-turisti li żaruna kienu 2.8 miljun.
L-esportazzjoni kienet ta’ €16-il miljun. Is-sena l-oħra din telgħet għal €3,692 miljun.
Fl-1964 in-nies jaħdmu kienu jammontaw għal 87,000. Is-sena l-oħra dawn laħqu 260,000.
Fl-1964 kien hawn 26,000 vettura fit-toroq Maltin. Is-sena l-oħra dawn telgħu għal 395,000.
Pajjiżna rnexxielu jagħmel suċċess kbir mill-Indipendenza. Dan għaliex dejjem konna poplu li nafu xi rridu u li kapaċi naslu bejnietna ħalli jgawdi kulħadd.
//= $special ?>