“Nistgħu nsejħulha mewġa waħda li daqqa tkun qawwija u daqqa tinżel… imma hija realtà. Din hija sitwazzjoni li jien nantiċipa li ser ikollna fix-xhur jekk mhux fis-snin li ġejjin”.
Hekk sostna l-Prim Ministru Robert Abela f’intervista li saritlu fuq il-media Laburista mix-xandar Peppi Azzopardi, fejn għamel u-turn, wara li ftit tax-xhur ilu qal li l-mewġ jinsab biss fil-baħar u avża lin-nies biex ma jibqgħux ibeżżgħu mill-babaw.
Iżda issa stqarr li jemmen li l-iskejjel għandhom jiftħu b’mod fiżiku … għalkemm ftit tal-jiem biss qabel il-bidu tas-sena akkademika l-ġdida, jidher li għad m’hemm l-ebda idea ċara kif se jkunu qed jiġu mgħallma uliedna.
Diskors li wettaq fl-agħar sebat ijiem tal-imxija tal-Covid-19 f’pajjiżna, fejn kellna 425 każ ġdid u ħames fatalitajiet, u meta bin-nuqqas ta’ ippjanar mill-Gvern Laburista, bosta edukaturi u ġenituri jinsabu mħassba dwar x’se jsir minn xogħolhom, uliedhom u qrabathom li jitqiesu bħala vulnerabbli.
Mistoqsi dwar is-sitwazzjoni fil-Ħabs, fejn fl-aħħar sentejn tilfu ħajjithom 10 persuni, hu saħaq li bħala faċilità għamlet passi ta’ ġgant fl-aħħar snin u hemm atmosfera ta’ serenità … stqarrija li fixklet saħansitra lil min kien qed jagħmillu d-domandi, li implika li Abela ma jafx it-tħassib tan-nies.
Dwar il-kwistjoni tal-immigrazzjoni, filwaqt li l-Mexxej Laburista ammetta li r-rilokazzjoni tal-immigranti irregolari li qed jaslu f’pajjiżna qed ikunu limtati, ftaħar li f’Awwissu daħal terz meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena preċedenti meta suppost daħlu aktar. Iżda meta mistoqsi dwar x’sar minnhom iż-żewġ terzi l-oħrajn, jekk ħabtux wiċċhom ma’ traġedja u għerqu, Robert Abela ma weġibx.
Mistoqsi dwar l-Inkjesta Pubblika rigward l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Abela insista li mhux aċċettabli li tibqa’ għaddejja sa wara Diċembru u għalhekk l-estensjoni biex tittawwal xhur taha darba biss. Dan filwaqt li ta x’jifhem li l-Inkjesta qed tittawwal minħabba li l-Bord tal-Imħalfin mhux jaħdmu biżżejjed waqt li qed jitħallsu.
//= $special ?>