Lokali

Proġett ta’ tisbiħ fuq il-Knisja ta’ Ħal Balzan

Il-Knisja ta’ Ħal Balzan ingħatat dehra mill-isbaħ bir-restawr li sar fuq din il-Knisja, li ilha mibnija aktar minn 350 sena.

L-akbar ħsara li ġiet innotata kienet in-naħa tas-Sagristija minħabba li dan il-ġenb hu espost għar-raġġi qawwijja tax-xemx.

Il-Perit ta’ dan il-proġett ta’ tisbiħ, Mark Azzopardi, qalilna aktar dwar il-ħsara li sabu fuq barra tal-Knisja.

“Billi espost lejn in-nofsinhar il-bini jieħu ħafna xemx fuqu. Il-ħsara partikolari fuq din ix-xaqliba tal-Knisja kienet minħabba l-melħ li jitla’ mal-umdità, mill-art, jinxef minħabba s-sħana, x-xemx u jifqa’ l-ġebla. Staġun wara l-ieħor, il-ġebla tibda tgħereq, tibda titfarfar u kien hawn ħafna ħsarat fil-parti l-baxxa partikolarment.”

Hu kompla jispjega ftit mix-xogħol li sar.

“Ix-xogħol dam xi tmien xhur u kien jinvolvi ċertu intervent, il-bdil tal-ġebel hu dak li hu. Imma dorna l-fili kollha, naddafna mill-effetti tat-tniġġiż, neħħejna ħafna imsiemer għax fl-antik kienu jwaħħlu ħafna imsiemer.”

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross qalilna aktar dwar dan ir-restawr.

“Illum inawgurajna r-restawr li sar fuq il-ġenb tal-Knisja, fuq il-kampnar u fuq il-ħitan ta’ wara tas-sagristija, Dan il-proġett sewa 122 elf ewro u sar mill-fondi ewropej u fosthom kien hemm ukoll il-kontribuzzjoni tal-parroċċa ta’ Ħal Balzan.”

Il-Kappillan ta’ Ħal Balzan, il-Monsinjur Dun Karm Farrugia, qal li kienu ilhom is-snin jippjanaw għal dan ir-restawr. U ma jistax jonqos ukoll ir-ringrazzjament għal dawk kollha li taw il-kontribuzzjoni tagħhom.

“Il-proġett kollu kien li d-dawra kollha tal-Knisja minn barra tiġi rrestawrata għax kellha ħafna ħsara fil-ġebel minħabba l-umdità u elementi oħrajn tan-natura matul iż-żminijiet. Il-poplu ta’ Ħal Balzan kien mill-ewwel ħa interess u speċjalment meta ġejna biex niġbru l-fondi biex isir dan il-proġett mill-ewwel u kull darba li nsejħulhom iwieġbu b’ġenerożità kbira.”

Dan il-proġett ġab mat-80% f’fondi mill-Unjoni Ewropja, filwaqt li l-20% l-oħra nħarġu mill-Parroċċa nnifisha.

Preżenti fost l-oħrajn kien hemm ukoll il-Viċi Sindku ta’ Ħal Balzan Angelo Micallef u l-Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista Stephen Gatt.