Internazzjonali

Stati Uniti: Trump se jinnomina dalwaqt is-suċċessur ta’ Ginsburg fil-Qorti Suprema

Il-President Amerikan, Donald Trump, il-ġimgħa d-dieħla, għandu jinnomina mara biex tieħu post Ruth Ginsburg bħala maġistrat tal-Qorti Suprema – u meta f’dawn iċ-ċirkustanzi eskalat kwistjoni politika dwar ‘il-kriterji relatati mas-suċċessur ta’ Ginsburg’.

Ruth Ginsburg mietet fi tmiem il-ġimgħa, ġimgħat biss qabel l-elezzjoni għall-Presidenza tal-Istati Uniti. Intant, Joe Biden – ir-rivali ta’ Trump li f’Novembru jikkuntesta għall-Presidenza għan-nom tal-Partit Demokratiku – qed jinsisti biex id-deċiżjoni dwar is-suċċessur ta’ Ginsburg titħalla ‘għall-wara l-vot li se jiddeċiedi l-Mexxej tal-Istati Uniti għall-erba’ snin ta’ wara’.

Il-bilanċ ideoloġiku tal-Qorti Suprema – magħmulha minn disa’ membri – hi kruċjali għad-digrieti li joħorġu mill-istess qorti u li jitrattaw l-aktar issues importanti tal-liġi Amerikana.

Sadanittant, il-President Trump ħalef li jagħti l-ġurament ta’ ħatra lis-suċċessur ta’ Ginsburg ‘mill-aktar fis possibbli’. Il-kummenti tiegħu, intant, irrabjaw lid-Demokratiċi fl-Oppożizzjoni li qed jinkwetaw li r-Repubblikani fil-Gvern se jivvutaw biex jikkonsolidaw ‘il-maġġoranza konservattiva ( li ilha għal ħafna snin) fl-Ogħla Qorti tal-pajjiż.’

Ruth Ginsburg, li kienet ‘ikona’ għall-attivisti liberali u simbolu għall-avvanzament tal-mara, mietet bil-marda tal-kanċer fid-dar tagħha f’Washington. Hi kisbet fama internazzjonali bħala t-tieni mara Amerikana li qatt sabet postha fil-Qorti Suprema tal-Istati Uniti.