Futbol Sport

Illum, it-Tnejn fil-5pm | Ħamrun Spartans kontra Sirens

Kien sajf mimli entużjażmu għal Ħamrun Spartans hekk kif issieħeb magħhom l-investitur Għawdxi, Joseph Portelli li miegħu ġab proġett ta’ tliet snin, u akkwisti immedjati, fosthom taż-żewġ żgħażagħ internazzjonali Maltin, Joseph Mbong u Juan Carlos Corbalan. Ħamrun qed jaspiraw f’staġun suċċess u llm jibdew il-Kampjonat Premier b’dwell dirett u delikat kontra Sirens; l-istess tim li fl-ewwel staġun tiegħu mal-kbar tal-futbol Malti, irrnexxilhom jikkwalifikaw għal post fl-Ewropa.

Sirens, immexxija mill-eks kowċ ta’ Ħamrun, Steve D’Amato, komplew isaħħu l-iskwadra tagħhom matul dan is-sajf. Fost l-akkwisti l-aktar importanti tagħhom huma kisbu l-firma tad-difensur Jonathan Pearson, u tal-attakkanti Wilfred Domoraud u Michael Mifsud.

Hu diffiċli biex tbassar x’jista’ jiġri f’dan il-konfront, izda żgur li hemm stennija kbira għal din l-ewwel partita tal-istaġun, miż-żewġ settijiet ta’ partitarji, b’dawk ta’ Ħamrun qed jittamaw li l-ewforija kollha li ġabet magħha l-aħbar li wieħed mill-aktar negozjanti magħrufa lokalment, fil-qassam tal-propjetá u l-iżvilupp, tissaraf f’riżultati li tassew jagħtu gost u pjaċir lill-Ħamruniżi.

Minn naħa l-oħra, dan l-istaġun se jkun qed jagħtina tweġiba għad-domanda ta’ jekk l-istaġun storiku li għamlu Sirens fl-2020/21, kienx wieħed ta’ darba jew le.