“Aħna poplu li dejjem emminna fil-ħiliet tagħna. Il-Partit Nazzjonalista minn dejjem kellu fiduċja fl-uniku riżorsa imprezzabbli ta’ pajjiżna – dik umana u kienet dik il-fiduċja li tat il-frott biex pajjiżna qatt ma ħares lura, u komplejna nfasslu l-istorja, għalina, ghal uliedna u għal ulied uliedna. Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista dejjem emminna f’pajjiżna.”
Kliem il-kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fil-messaġġ tiegħu fl-okkażjoni tac-celebrazzjonijiet tal-festi tal-Indipendenza għal din is-sena.
Bernard Grech qal li fl-1964, il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn George Borg Olivier kiseb l-Indipendenza għal Malta għax fehem kemm il-poplu kellu għatx għas-sovranità u l-libertà.
Kellu jerġa’ jkun il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern immexxi minn Eddie Fenech Adami li wara l-1987 beda jimmodernizza l-ekonomija, ikattar il-ġid u joħloq l-impjiegi iżda dan ma kienx biżżejjed.
Il-Partit Nazzjonalista kellu viżjoni oħra għal pajjiżna – sħubija fl-Unjoni Ewropea li waslet fl- 2004 bl-appoġġ wiesa’ tal-Maltin u l-Għawdxin li lkoll ingħaqdu wara l-viżjoni tagħna li nagħmlu minn pajjiżna, pajjiż Ewropew ta’ suċċess u mill-gdid taħt Gvern Nazzjonalista, din id-darba taħt it-tmexxija ta’ Lawrence Gonzi fl-2008, isseħibna fil-munita komuni Ewropea, l-ewro, pass li kompla jsaħħaħna u li tana stabbilità.
Fil-messaġġ tiegħu ghall-festa tal-Indipendenza Bernard Grech kompla jgħid li pajjiżna jixraqlu tmexxija li temmen li post il-bniedem huwa fiċ-ċentru tal-politika; tmexxija li terġa’ tagħmel lil Malta pajjiż kredibbli fuq livell politiku; kemm fostna kif ukoll fuq livell internazzjonali.
Intant matul il-jum tal-Ħadd u tat-Tnejn, Bernard Grech kompla jżur diversi każini tal-Partit Nazzjonalista u jiltaqa’ ma mijiet ta’ tesserati madwar Malta u Ghawdex. Dan sabiex il-Partit Nazzjonalista jingħaqad, jiġġedded u jirnexxi.
//= $special ?>