Futbol Sport

Illum, it-Tnejn fid-9:15pm | Valletta kontra Birkirkara

L-istaġun li għadda kemm Valletta, wisq aktar Birkirkara, ma laħqux l-objettivi tagħhom. L-imxija tal-COVID-19 waqfet ħesrem possibiltá li Valletta setgħu jiddefendu l-Kampjonat Premier li rebħu sena qabel, filwaqt li Birkirkara jkomplu fit-triq it-tajba li kienu qabdu, u jirbħu post fl-Ewropa.

Illum dawn it-tnejn jilgħabu kontra xulxin, fl-ewwel partita tal-istaġun mill-Kampjonat Premier, u f’każ ta’ rebħa għal wieħed minn dawn it-tnejn, żgur li din tkun qed tagħti motivazzjoni kbira għall-partiti li ġejjin fil-bidu ta’ staġun ġdid. Valletta jeħtiġu jinsew id-diżappunt li kellhom fl-Ewropa, u b’Jesmond Zerafa fit-tmexxija, u b’numru ta’ uċuħ ġodda fl-iskwadra, kemm bħala plejers kif ukoll bħala amministrazzjoni, il-Beltin għandhom ikunu wieħed mit-timijiet sfidanti għar-rebħ tal-Kampjonat Premier.

L-istess jista’ jingħad dwar Birkirkara, li qabel ma faqgħet il-pandemija tal-COVID-19, kienu bla dubju l-aqwa tim fil-Kampjonat Premier. Bl-irtokki li għamlu u b’dak li kellhom diġa’ fit-tim, l-iStripes taħt it-tmexxija tal-kowċ bravu Andre Paus, għandhom ikunu waħda mill-akbar forza ta’ dan l-istaġun.