Mijiet ta’ residenti f’żoni foqra fil-kapitali Spanjola Madrid ipprotestaw kontra dik li qed isejħu diskriminazzjoni. Dan meta fi Spanja mill-ġdid bdew miżuri ta’ lockdown fil-ġlieda kontra żieda fin-numri tal-COVID-19. Ir-restrizzjonijiet il-ġodda se jaffetwaw il-moviment ta’ 850,000 persuna.
Id-dimostranti fi 12 mis-37 distrett affettwati mir-restrizzjonijiet il-ġodda qalu li jħossuhom abbandunati u talbu għal provvedimenti ta’ saħħa aħjar.
Is-Sindku ta’ Madrid José Luis Martínez-Almeida qal li r-restrizzjonijiet imħabbra ma jiddiskriminawx kontra l-foqra.
Ir-residenti se jkunu jistgħu jitilqu miż-żona tagħhom BISS biex imorru għax xogħol, l-iskola jew għal kura medika. Dan filwaqt li mhux permess tkun grupp ta’ aktar minn 6 f’post pubbliku. Numru ta’ postijiet pubbliċi ġew magħluqa filwaqt li l-ħwienet ser ikollhom jagħlqu sal-22:00.
Il-kap tas-saħħa reġjonali ta’ Madrid Enrique Ruiz Escudero qal li jekk dawn il-miżuri ma jnaqqsux in-numru ta’ infezzjonijiet, mhux eskluż li jkun hemm lockdown mal-belt kollha.
Spanja għandha l-ogħla numru ta’ każijiet ta’ coronavirus fl-Ewropa fejn Madrid qed tirreġistra fost l-għola numri.
Skond il-ministeru tas-saħħa ta’ Spanja, il-pajjiż ikkonferma aktar minn 640,000 każ ta’ coronavirus mill-bidu tal-pandemija, bi kważi 120,000 minnhom fl-ewwel ġimgħatejn ta’ Settembru. Il-pajjiż irrapporta aktar minn 30,000 mewt.
//= $special ?>