Atletika Sport

Josef Bonavia u Danica Bonello Spiteri rebbieħa denji tal-Kampjonati Nazzjonali Sprint Triathlon 2020

Il-Birkirkara St. Joseph Sports Club ospita l-aħħar tellieqa tas-Serje Go & Fun BSJ Sprint Triathlon, li kienet mifruxa fuq erba’ tlielaq li saru ġewwa is-Salina.  It-tellieqa ta’ nhar il-Ħadd li kienet tikkonsisti f’għawma ta’750m, 20km fuq ir-rota u ġirja ta’ 5km saret f’kundizzjonijiet sħan hekk kif it-tellieqa għalqet l-istaġun sportiv tal-Klabb. It-tellieqa ġiet innominata wkoll mill-Federazzjoni Maltija tat-Triathlon, bħala l-Kampjonati Nazzjonali Sprint Triathlon.

Josef Bonavia rreġistra l-ewwel titlu ta’ kampjonat tiegħu f’tellieqa li ġiet miġġielda mill-bidu sat-tmiem. Bonavia, li rreġistra t-tielet post fl-ewwel tellieqa iżda sussegwentement rebaħ it-tlielaq l-oħra kollha, ma kienx se jkollu ġurnata faċli b’atletli bħal Shaun Galea, Bernard Sant u Joseph Galea fuq l-għarqbejn ta’ xulxin.

L-ewwel barra mill-ilma kien Bernard Sant, segwit minn Shaun Galea. Id-duo kellhom sekonda waħda biss bejniethom kif daħlu fit-transizzjoni għar-rota. Bonavia kien it-tmien atleta li ħareġ mill-ilma b’distakk ta’ minuta 47 sekonda wara Galea u Sant li kienu diġà barra fuq il-korsa tar-rota. Bonavia poġġa l-abbiltajiet tiegħu fiċ-ċiklizmu. Bonavia, rreġistra b’mod konsistenti l-iktar taqsima veloċi fuq ir-rota tas-Serje. Minkejja li kellu lil Shaun Galea u lil Joseph Galea quddiemu, hu ta’ spinta fl-aħħar ftit metri tar-rotta, fejn sab ruħu quddiem Shaun Galea.  L-ewwel atleta li ħareġ fuq il-ġirja kien Joseph Galea.  Bonavia li kien jaf li kellu possibilità ta’ rebħa biex jieħu l-vantaġġ.  Madankollu t-tellieqa kienet għada ma spiċċatx. Shaun Galea daħal fit-taqsima tal-ġirja bi spirtu qawwi iżda ma setgħax jlaħħaq ma’ Bonavia li ġera lejn l-ewwel titlu tal-Kampjonat Nazzjonali tiegħu. Bonavia temm it-tellieqa f’siegħa minuta 53 sekonda li kien l-aħjar ħin tiegħu għas-Serje ta’ din is-sena. Galea spiċċa fit-tieni post wieħed u ħamsin sekonda warajh. B’Bonavia u Galea lesti mit-tlielaq, kien hemm battalja eċċitanti għat-tielet post. Bernard Sant u Joseph Galea kienu qegħdin jiġru ras imb’ras għal ħafna mir-rotta ta’ 5km. L-aħħar mitejn metru kienu deċisivi, b’Galea jaqbeż lil Sant u jieħu fit-tielet post b’distakk ta’ tliet sekondi.

Kif kien mistenni Danica Bonello Spiteri ħarġet ir-rebbieħa ġenerali tas-Serje u iċ-Ċampjin Nazzjonali tas-Sprint Triathlon. Għal Bonello Spiteri, din it-tellieqa kienet ritorn għall-podju tar-rebbieħa, fejn żiedet titlu ieħor mal-lista estensiva li hi kisbet matul il-karriera tagħha. Bonello Spiteri temmet it-tellieqa f’ħin ta’ siegħa 9 minuti u 40 sekonda. Fit-tieni post kienet Pia Zammit. Zammit irreġistrat l-aħjar ħin tagħha tas-Serje, u naqqset minuta u 32 sekonda mit-tellieqa preċedenti. Fit-tielet post spiċċat Lindsey Pirotta. Pirotta, ħarġet mill-ilma b’vantaġġ ta’ 44 sekonda fuq Lindsay Zammit. Din tal-aħħar naqqset id-distakk bi tranżizzjoni u taqsima tar-rota aktar mgħaġġla. Zammit irnexxiela taqbeż lil Pirotta f’din it-taqsima, iżda Pirotta kellha ġirja aktar mgħaġġla biex b’hekk għaddiet lil Zammit u tikseb l-ewwel post tal-podju tagħha.

“Kull sena ġġib l-isfidi tagħha, madankollu din is-sena kienet partikolarment diffiċli fid-dawl tal-pandemija Covid-19. Aħna grati li stajna nlestu l-programm sportiv tagħna għas-sajf, grazzi għall-kooperazzjoni ta’ dawk kollha involuti li żguraw ambjent ta’ tlielaq sikur” stqarr Euchar Camilleri, Segretarju Ġenerali, Birkirkara St. Joseph Sports Club. “L-2020 xorta tibqa sena memorabbli hekk kif il-Klabb jiċċelebra 45 sena fl-isport. Issa nieħdu brejk qasir qabel ma nibdew it-tħejjijiet tagħna għall-istaġun 2021. “

Birkirkara St. Joseph huwa grat lejn Go & Fun Energy Drink Malta tal-appoġġ lejn is-Serje għal sena oħra kif ukoll il-Kunsill Lokali tan-Naxxar, Transport Malta, Servizzi tal-Emerġenza, Malta Bike Marshalls u l-uffiċjali u l-voluntiera għall-għajnuna imprezzabbli tagħhom.

Rizultati Go&Fun BSJ Sprint Triathlon Series (Tellieqa Nru 4)  & Kampjonati Nazzjonali

 IrġielNisa
1stJosef Bonavia (1:01:53)Danica Bonello Spiteri (1:09:40)
2ndShaun Galea (1:02:36)Pia Zammit (1:17:04)
3rdJoseph Galea (1:02:44)Lindsey Pirotta (1:18:31)

Go&Fun BSJ Sprint Triathlon Series – Rizultati Ġenerali

Rizultati bbazati fuq dawk l-atletli li spiċċaw l-erba tlielaq tas-Serje

 IrġielNisa
1stJosef BonaviaDanica Bonello Spiteri
2ndJoseph GaleaPia Zammit
3rdNeil MarkhamClara Attard Formosa

Rebbieħa – Gruppi tal-Eta

 Go & Fun BSJ Sprint Tri SeriesKampjonati Nazzjonali
Grupp tal-EtaIrġielNisaIrġielNisa
Under 23Sean Michael DarmaninDeborah DesiraMalcolm VassalloDeborah Desira
Seniors 40 – 49Kristjan BriffaCharmaine SciberrasSteve ChetcutiCharmaine Sciberras
Seniors 50 – 59Kevin Muscatn/aKevin MuscatSuzanne Farrugia
Seniors 60+Richard CamilleriMarian BelstenNicky FarrugiaMarian Belsten