Lokali

Pajjiżna jiċċelebra Jum l-Indipendenza

Is-56 sena ta' Malta Indipendenti

Pajjiżna fakkar is-56 sena mill-kisba tal-Indipendenza; il-jum li fih il-Maltin u l-Għawdxin, bi kburija, raw il-bandiera tar-Renju Unit nieżla …u minflokha titla’ l-bandiera Maltija bl-ilwien bojod u ħomor.

Il-gżejjer tagħna qed ifakkru s-56 sena mit-twelid ta’ stat sovran, biex minn dakinhar stajna ngħidu li għandna verament rajna f’idejna.

Twelid ta’ nazzjon li, pass pass sar ukoll Repubblika u eventwalment issieħeb b’mod sħiħ bħala stat membru fl-Unjoni Ewropea.

Il-21 ta’ Settembru tibqa’ ġurnata speċjali immens għall-poplu Malti u Għawdxi – mhux biss il-memorji ta’ dak li kien seħħ fix-Xagħra tal-Floriana, iżda memorji ta’ kif konna kapaċi negħlbu kull sfida u nirnexxu bħala pajjiż tul il-medda tas-snin.

Dan il-jum tant għażiż għall-Maltin kien immarkat biċ-cerimonja tat-tqeghid tal-kuruni tal-fjuri mill-għola awtoritajiet tal-pajjiż, f’riġlejn il-monument tal-Indipendenza, li jinsab tefa’ ta’ ġebla ‘l bogħod mill-post li fih l-eks Prim Ministru Malti Ġorg Borg Olivier kien qara d-dikjarazzjoni tal-Indipendenza.

Fost dawk li poġġew il-kuruni f’Jum l-Indipendenza kien hemm il-President tar-Repubblika George Vella, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.

L-armata ippartecipat f’din iċ-ċerimonja billi sellmet lin-Nazzjon b’21 tir u ċ-ċelebrazzjoni ntemmet bid-daqq tal-innu Malti mill-banda tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Ritratti ta’ Matthew Tabone