Sport Waterpolo

Plejer ta’ Neptunes pożittiv għall-COVID-19, wara li għamel swab test qabel il-partita kontra Sliema

Father and son having fun in the pool playing water polo

Il-Kampjonat Premier tal-waterpolo se jkun qed jerġa’ jieqaf għal ġimgħatejn minħabba każ ieħor ġdid ta’ plejer pożittiv għall-COVID-19. Din id-darba l-każ jidher li hu aktar serju u nkwetanti għaliex allegatament il-plejer inkwistjoni, għamel dan it-test qabel partita li hu lagħab.

Filwaqt li għal raġunijiet ovji, dan is-sit qed nipproteġu l-isem tal-plejer, Net News jista’ jikkonferma li l-plejer li rriżulta pożittiv jilgħab ma’ Neptunes u l-bieraħ hu lagħab fit-tieni semi-finali play-offs kontra Sliema. Neptunes rebħu din il-partita 11-7. Sorsi li tkelmu magħna, esprimew it-tħassib tagħhom dwar dan il-każ, u stqarrew magħna li d-dettalji ta’ dan il-każ huma serji ħafna u jistgħu jkollhom riperkussjonijiet serji partikolarment għaliex il-plejer lagħab il-partita wara li għamel test li r-riżultat tiegħu kien wieħed pożittiv għall-COVID-19. Net News jifhem li r-riżultat ta’ dan it-test kien magħruf illum, u allura l-għada tal-partita.

Dwar din l-istorja, Net News tkellem mal-President ta’ Neptunes, Matthew Bonello li qal li hu ma kienx jaf li wieħed mill-plejers tiegħu kien għadu kif għamel swab test qabel il-partita deċiżiva ta’ kontra Sliema. Ma’ Net News, Bonello esprima r-rabja tiegħu li l-plejer ma kienx infurmaħ li kien għamel swab test.

Fid-dawl ta’ dan il-fatt, dan is-sit hu infurmat li l-klabb oppost, Sliema qed jieħdu dan il-każ b’serjetá kbira, u mhux eskluża l-possibiltá li jittieħdu passi skont il-liġi, kemm tal-assoċjazzjoni tal-waterpolo u l-għawm f’Malta, l-ASA, kif ukoll tal-pajjiż.

Il-Kampjonat Premier se jkun qed jieqaf eżatt qabel il-bidu tal-finali tal-Play-Offs bejn Neptunes u San Ġiljan, li l-ewwel partita kienet skedata li tintlagħab nhar it-Tlieta, 29 ta’ Settembru. Madankollu għadha trid tittieħed id-deċiżjoni jekk l-ASA twaqqafx ukoll il-bqija tal-partiti l-oħra, hekk kif għada se tkun qed tibda l-fażi tas-semi-finali tal-Play-Offs tal-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni.